Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom
It-Tlieta u Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Kolletta
Nitolbuk, Mulej, Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
L-Ewwel Qari u, iktar u iktar, l-Evanġelju jużaw ħafna xbihat u metafori li jappartjenu lil-letteratura apokalittika, jiġifieri dak l-istil ta’ kitba li permezz ta’ ħafna dehriet Alla juri verità dwaru nnifsu u dwar l-iskop tal-ħajja tal-bniedem. U, għalhekk, naħseb inkunu korretti jekk ngħidu li dan l-Evanġelju proprjament ma jitkellimx dwar l-aħħar tad-dinja imma jitkellem dwar l-istorja tal-umanità u l-istorja tan-nisrani bħala parti minn din l-umanità li xi minn daqqiet twarrbu, tagħtih ’il ġenb, jew saħansitra tipprova ssikktu u toqtlu.
Fil-fatt, f’dan id-diskors, Kristu qed iħares lejn l-istorja tal-umanità, li minnha hu wkoll sar parti meta sar wieħed minna, u qed iħares lejha minn perspettiva kemmxejn negattiva, jew aħjar realista. Jekk tiftaħ ħames minuti l-aħbarijiet jew taqra n-news feeds fuq Facebook malajr tista’ taħseb li t-tmiem veru wasal. Imma Kristu huwa ċar: “Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.”
Fi kliem ieħor, jekk naħsbu li se neħilsuha malajr għax it-tmiem kważi wasal, jista’ jkun li fadlilna ħafna x’naqdfu qabel tasal l-aħħar tad-dinja. U din kienet rimarka importanti fuq fomm Ġesù meta wieħed iqis il-kuntest storiku li fih inkitbet għax l-insara kienu qed jistennew li t-tieni miġja ta’ Kristu se sseħħ malajr, hekk li kien hemm min kien qed jitgħażżen, kif iwissi San Pawl fit-Tieni Ittra lit-Tessalonikin fit-Tieni Qari.
Allura, aħna u noqorbu lejn tmiem is-sena liturġika l-Ħadd li ġej, x’inhi l-kelma li qed jgħidilna Ġesù llum? X’inhi t-tbeżbiża li jrid jagħtina?
L-ewwel nett, fl-Ewwel Qari għandna kuntrast bejn in-nar għall-ħżiena u tlugħ ix-xemx għall-ġusti, qisu bħal donnu l-istess Xemx tal-ġustizzja—jiġifieri Kristu—se tisreġ fuq kulħadd imma lil dawk li ħajjithom kienet magħmula mit-tiben tal-frugħa u l-ħażen jinħarqu, filwaqt li dawk li jsejħu lil Alla l-laqgħa ma’ Kristu se ssaffihom biex ikunu jistgħu jħarsu lejn u jithennew għal dejjem. U allura hi meħtieġa għażla dwar jekk hux se nintilfu fuq it-tiben jew hux se nserrħu fuq il-blata soda li hu Kristu.
Fl-Evanġelju mbagħad Ġesù jwissina li l-ħajja nisranija mhijiex komda imma hija taqbida li spiss, sakemm għadna fuq din l-art, fiha se nidhru tellifin, minn taħt, miċħudin saħansitra minn dawk qrib tagħna minħabba fl-għażla li nimxu skont il-valuri tal-Evanġelju. Imma jeħtieġ li x-xhieda tkun tassew xhieda għalih, u mhux għal xi ideal kważi politiku tal-ħajja nisranija jew tal-Knisja. U dan illum qegħdin inġarrbuh sewwa meta bħal donna nsibu ruħna bla protezzjoni tal-veritajiet stabbli tal-fidi jew iżolati waħedna għax is-sosten li l-membri tal-komunità jagħtu lil xulxin tilef il-qawwa tiegħu.
F’dan il-kuntest, tajjeb inżommu quddiem il-menti tagħna li l-Mulej iħawwilna fil-konkretezza tal-lum, tal-issa b’dak kollu li l-issa fih, mhux biex inħabbru t-tmiem u niżirgħu l-biża’ u noffru l-frott tal-qtigħ il-qalb, imma jħawwillna hawn, issa, bid-diffikultajiet u l-opportunitajiet kollha ta’ dan żmienna, sabiex nagħtu xhieda għalih: xhieda li tqanqal il-qlub; xhieda li fiha, ukoll jekk nidhru dgħajfin, imma fl-istess ħin jidher ċar li fina għandna tama qawwija, fidi soda, hekk li titnissel f’ħutna x-xewqa li huma wkoll iduquha din l-imħabba infinità u li tibqa’ għal dejjem, ma tintemm qatt.
Talba
Mulej, hekk kif inkun imdawwar b’ħuti waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, fakkarni li aħna tassew aħwa fi Kristu u qegħdin naqdfu qalb l-istess mewġ fil-ħajjiet differenti tagħna. Agħtini l-grazzja li nilqa’ dik it-tbatija li ġġib magħha l-għażla tiegħek f’ħajti. Agħtini qalb miftuħa għad-don tal-Ispirtu Qaddis biex ikun hu li fid-dgħufija tiegħi jagħti x-xhieda.
Ammen