Jien naf min int

Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

Mulej Alla tagħna, agħtina li nqimu lilek b’ruħna kollha, u li nħobbu lil kulħadd bi mħabba spiritwali. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen

Jiena nqajmilhom profeta u nqiegħed kliemi fuq fommu.
Dewt 18:15-20

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu. Dan kollu skont ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f’jum il-laqgħa, meta għedt: ‘Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx’. U l-Mulej qalli: ‘Sewwa għamlu li tkellmu. Jiena nqajmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kulma nordnalu. Min ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f’ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas. U jekk xi profeta jfettillu jgħid f’ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella jħabbar f’isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 94(95):1-2,6-7,8-9

R/. (8): Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej,
la twebbsux qalbkom.

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

Ikunu ħsibijietna fil-ħwejjeġ tal-Mulej.
1 Kor 7:32-35

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. Min hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u hu mifrud fih innifsu!

Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom. Iżda l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha.

Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid ta’ moħħ.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 4:16

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam
ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt
idda dawl għalihom.
R/. Hallelujah.

Kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.
Mk 1:21-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”.

Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

San Mark ipinġilna stampa ta’ Ġesù dejjem sejjer minn post għal ieħor iwassal il-Kelma ta’ Alla bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Il-Ħadd li għadda ltqajna miegħu jxandar l-Evanġelju ta’ Alla lGalilija. Illum, lil Ġesù nsibuh jgħallem fis-sinagoga ta’ Kafarnahum f’jum is-Sibt. F’din is-silta jispikkaw l-awtorità u s-setgħa tal-Mulej Ġesù, kemm fil-mod tat-tagħlim tiegħu kif ukoll fuq l-ispirtu tal-ħażen li hemm f’qalb il-bniedem. Ġesù jgħaġġeb lin-nies għax hu nnifsu l-Kelma. Ġesù jgħaġġeb lin-nies għax jgħallem mhux bi kliem ħaddieħor iżda bi kliemu u b’għemilu stess. Aħna lil min nagħtu widen fil-ħajja tagħna? It-tagħlim ta’ Ġesù x’impatt għandu fuqna, kemm nistagħġbu quddiemu? 

B’dan l-ewwel miraklu tiegħu, Ġesù jibda jagħtina ħjiel tas-Saltna ta’ Alla u l-pjan tas-salvazzjoni tiegħu. Huwa joħroġ fid-deher l-ispirtu ħażin li hemm fina sabiex jeħlisna minnu. Fil-preżenza ta’ Ġesù u b’risposta għat-tagħlim tiegħu, l-ispirtu ħażin jiddefendi ruħu, “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!” (v. 24). Fil-mixja tal-fidi tagħna mhux biżżejjed li nkunu nafu min hu Ġesù anke jekk studjajna u tgħallimna ħafna dwaru. Il-ħajja nisranija hija ferm aktar minn hekk, hija esperjenza ħajja tal-Mulej Ġesù. Tajjeb illum, nidħlu daħla fina nfusna u bl-umiltà nagħmlu eżami tal-kuxjenza. Hemm xi post mudlam f’qalbna li fih m’hemmx post għal Ġesù? Is-Saltna ta’ Alla waslet. Lesti li nilqgħuha u nħallu lil Ġesù jeħlisna mill-ispirti ħżiena li jaħkmuna u jżommuna milli noħorġu fid-deher ix-xbiha ta’ Alla li hemm fina? 

L-Evanġelista jgħidilna li wara dan l-episodju, “il-fama tiegħu”—il-fama ta’ Ġesù— “malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija” (v. 28). Din hi s-sejħa li tagħmlilna l-Magħmudija, li nxerrdu l-Kelma fid-dinja ta’ madwarna. Kif qed inwieġbu għal din is-sejħa? 

Talba

Int li tħobb il-qalb sinċiera, 

għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi. 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; 

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad. 

Agħmel li nisma’ l-ferħ u l-hena, 

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna. 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; 

ħassar ħżuniti kollha. Salm 51, 8-11