Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja

Il-Ħames Ħadd tal-Għid

Kolletta

O Alla, inti tajtna l-fidwa u għamiltna wlied adottivi tiegħek; ħares bit-tjieba lejn l-ulied għeżież tiegħek, biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu ħielsa tassew u jiksbu l-wirt ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Għażlu sebat irġiel mimlijin bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 6, 1-7

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dawk il-jiem l-għadd tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied; għalhekk sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta’ kuljum.

Għalhekk it-Tnax sejħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: “Mhux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom. U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma”.

Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom

fuqhom. U l-kelma ta’ Alla kienet tixtered dejjem aktar; l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm, u kotra kbira ta’ qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 32 (33), 1-2.4-5.18-19

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna
jew R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali.
1 Piet 2, 4-9

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, ersqu lejn il-Mulej, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura: “Jien inqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka, magħżula u għażiża; min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad”.

Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ! Għal dawk li ma jemmnux, din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka, ġebla ta’ tiġrif u tfixkil. Tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla. Għal dan kienu ddestinati. Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 6

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej;
ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.
R/. Hallelujah.

Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja.
Ġw 14, 1-12

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Illum u l-Ħadd li ġej se nkunu qegħdin naqraw minn wieħed mid-diskorsi ta’ Ġesù waqt l-aħħar ċena, speċifikament il-kapitlu 14 ta’ San Ġwann. Għalkemm kulma għandna ppreżentati lilna huma tnax-il vers, però lanqas tkun taf minn fejn se tibda biex forsi tifhem. Għaldaqstant se niffoka fuq l-istqarrija ewlenija li minnha jfur il-kumplament tad-diskors. Għall-mistoqsija ta’ Tumas, “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù jwieġeb: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.” Tumas huwa figura pjuttost prominenti fost id-dixxipli fl-Evanġelju skont San Ġwann, bix-xena ewlenija tkun dik ta’ meta jiltaqa’ ma’ Ġesù u, waqt li jpoġġi idu fuq il-pjagi ta’ Kristu, jistqarr: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” U forsi għalhekk kien daqshekk stinata li ried jara l-pjagi biex jemmen u eventwalment jasal għal din l-istqarrija: proprju għax kien iffukat fuq dak li kien tassew neċessarju hekk li prattikament, waqt l-aħħar ċena, jistaqsi lil Ġesù: ‘Fejn sejjer? Fejn se twassalna?’ U forsi hu għalhekk li Tumas jitgerfex u jsib ruħu jħuf barra ċ-ċenaklu wara l-mewt ta’ Ġesù: ħassu mifxul għax tilef it-triq u min jitlef it-triq ma jibqax wieqaf jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu, imma jipprova jfittex biex isib it-triq.  

U din ma kinetx triq kwalunkwe hekk li kieku Tumas kien jgħix fi żmienna malajr kien isolvi l-problema b’Google Maps, imma kienet it-Triq bit-t kapitali: Ġesù nnifsu. Ġesù nnifsu hu t-Triq li fiha rridu nimxu biex nagħrfu l-Verità u niksbu l-Ħajja. U hawn ukoll ‘Verità’ hi bil-v kapitali u ‘Ħajja’ bil-ħ kapitali. Għax, kif josserva San Tumas t’Aquino fil-Kummentarju tiegħu dwar l-Evanġelju skont San Ġwann (Cap. 14, lect. 2): Kristu hu t-Triq għaliex permezz tiegħu għandha d-dħul għal għand il-Missier (ara Ef 2, 18), u din jgħidha bħala bniedem għax meta sar wieħed minna reġa’ waqqaf il-pont bejna u bejn Alla li nkiser bid-dnub. Imma permezz tal-umanità ta’ Ġesù tinfetaħ it-Triq li twassal għal dak li ġej mid-divinità ta’ Ġesù għax bħala Alla huwa l-Verità nnifisha—u hu għalhekk li ma’ Pilatu ma jasalx wisq u nibqgħu mdendlin bil-mistoqsija, “U l-verità x’inhi?” għax il-Verità mhijiex xi ħaġa li tasal għaliha b’mod filosofiku, imma hi laqgħa mal-persuna ta’ Kristu, il-Kelma ta’ Alla nnifisha, il-Verità ta’ Alla li titħabbar lilna l-bnedmin—u bħala Alla huwa l-Ħajja nnifisha għax, kif naqraw fl-ewwel vrus tal-istess Evanġelju skont San Ġwann, “Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kulma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin” (Ġw 1, 3-4). F’kelma waħda, Ġesù hu s-sors tal-ħajja tagħna li għalih naslu billi nimxu t-triq tal-ħajja tagħna b’idna f’idu u nħallu l-passi tagħna jiddawlu mill-verità tal-Kelma tiegħu. 

Talba

Mulej, jiena waħda min-nagħaġ tiegħek.  

Mulej, naħseb li dan il-kliem tas-silta mill-Evanġelju tal-lum gerfixni xi ftit għax fih ħafna xi tixtarr fih. Imma ħaġa waħda hija tassew neċessarja: li nwieġbu għall-kmand tiegħek: “Emmnuni!” għax għalija personali inti tassew it-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Il-bqija jaqa’ kollox f’postu waħdu għax pass pass int tkompli ddaħħalna fil-qalba tal-misteru ta’ mħabba bejnek u bejn il-Missier hekk li aħna wkoll insibu lilna nfusna għax nagħrfuna maħbuba u maħluqin bi skop u mhux bl-addoċċ.