Nisimgħu l-liġi

Is-Sitt Ħadd matul is-Sena A

Kolletta

O Alla, inti tajtna kelma li tagħmel l-għamara tiegħek fir-ruħ sewwa u safja; agħmel li, bil-grazzja tiegħek, jistħoqqilna li tgħammar fina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Lil ħadd ma rħielu jidneb.
Sir 15:15-20

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Jekk trid tista’ tħares il-kmandamenti,
u b’rieda tajba tista’ tkun fidil.
Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma;
liema trid minnhom, midd idek għalih.
Quddiem il-bniedem hemm il-ħajja u l-mewt,
u liema tixtieq qalbu lesta għalih.
Għax għerf il-Mulej hu bla qies,
qawwi f’setegħtu u jara kollox.
Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu,
u jagħraf kulma jagħmel il-bniedem.
Lil ħadd ma qabbad jgħix ħażin,
u lil ħadd ma rħielu jidneb.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 118(119):1-2,4-5,17-18,33-34

R/. (1b): Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Henjin dawk li triqthom bla ħtija,
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,
u li jfittxuh b’qalbhom kollha. R/.

Int tajt il-preċetti tiegħek,
biex inħarsuhom bir-reqqa.
Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek! R/.

Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,
agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.
Iftaħli għajnejja,
biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek. R/.

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek;
jiena rrid nibqa’ fiha sal-aħħar.
Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek
u nagħmilha b’qalbi kollha. R/.

Alla fassal l-għerf mill-bidu nett għas-sebħ tagħna.
1 Kor 2:6-10

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, aħna ngħallmu l-għerf fost dawk li huma perfetti, imma mhux l-għerf ta’ din id-dinja, anqas l-għerf tal-prinċpijiet ta’ din id-dinja, li se jintemmu fix-xejn. Ngħallmu l-għerf ta’ Alla moħbi f’misteru, li Alla fassal qabel iż-żmien għall-glorja tagħna.

Ebda wieħed mill-mexxejja ta’ din id-dinja ma għarfu; kieku għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu lill-Mulej tal-glorja.

Imma, bħalma hu miktub: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bnedmin, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh”.

Alla rrivelahulna permezz tal-Ispirtu; għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11:25

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R. Hallelujah.

Fl-imgħoddi hekk intqal, imma jiena ngħidilkom.
Mt 5:17-37

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet. Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.

Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.

Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.

Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.

Intqal ukoll: ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor, jagħmel adulterju.

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Fl-imgħoddi hekk intqal, imma jiena ngħidilkom.
Mt 5:20-22a,27-28,33-34a,37

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.

Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù donnu jixtieq jurina s-sbuħija u l-importanza li fl-għażliet tagħna nkunu persuni umani f’mixja lejn maturità ħolistika. Kollox jiddependi mill-għażliet li nagħmlu u kif nagħmluhom. Aħna dak li nagħżlu. Nissawru minn dak li nagħżlu. 

L-Evanġelju jurina ċar li Ġesù ma ġiex sabiex ineħħi l-liġijiet li kienu hemm sa minn żmien Mosè, imma sabiex jagħtihom il-ħajja u jwassalhom għall-perfezzjoni. B’din l-attitudni nistgħu naslu sabiex l-istess liġijiet nosservawhom, inwettquhom u ngħixuhom minn qalb mimlija mħabba u responsabbiltà matura. Dan ma jistax isir mingħajr il-proċess kontinwu ta’ dixxerniment, li jiftaħna għall-oħrajn u jissarraf f’relazzjonijiet umani u spiritwali maturi. 

Il-liġi kienet tgħid: “La toqtolx.” Ġesù qalilna: “La tirrabjax.” Il-liġi tagħtik l-estrem, Ġesù qed joffrilna proċess relazzjonali. 

Li nosservaw il-liġi—la toqtolx, la tisraqx, u l-bqija—biex mingħalina nkunu retti, inkunu persuni msejħa tajbin, biex inħossuna komdi magħna nfusna, nidhru tajbin f’għajnejn is-soċjetà … dan kollu mingħajr relazzjonijiet imsejsa fuq l-imħabba, u mingħajr il-proċess ta’ dixxerniment kontinwu, hu duħħan li jtir mar-riħ. 

Il-ħajja mhix biss l-osservanza tal-estrem tal-liġi, imma hija mixja relazzjonali kontinwa. Il-protagonist tad-dixxerniment irid ikun Alla u mhux l-imħabba egoċentrika tagħna. Fejn hemm din tal-aħħar hemm biss qoxra vojta nieqsa mill-fidi u mill-ispiritwalità.

Ieqaf u Aħseb

– Dan il-pass tal-Evanġelju hekk profond kif jolqtok fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
 – Inti tiġġustifika lilek innifsek billi tosserva l-liġi, u fir-relazzjonijiet ta’ kuljum kif taġixxi?
 – Ġieli rriflettejt fuq ir-reliġjożità superfiċjali li faċilment taqa’ fiha?    

Talba

Mulej Ġesù, għinni nagħraf lili nnifsi. Saffini minn reliġjożità superfiċjali, saħħaħ fija l-fidi, għallimni nħobb kif tixtieqni inti. Ammen.