Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Jien nirgħa l-merħla tiegħi bil-ġustizzja.
Eżek 34, 11-12.15-17

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru.

Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom. Oraklu ta’ Sidi l-Mulej. Jiena nfittex il-mitlufa, irreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida. Inħares is-smina u l-qawwija, u nirgħahom bil-ġustizzja.

Imma għalik, merħla tiegħi, hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ara, jiena nagħmel ħaqq bejn nagħġa u nagħġa, bejn imtaten u bdabad.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. R/.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

Jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.
1 Kor 15, 20-26.28

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh. L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.

U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, imbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt Dak li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 11, 9.10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Mbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Mbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!
R/. Hallelujah

Joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu u jifred il-ġnus minn xulxin.
Mt 25, 31-46

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.

U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.

Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.

Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.

U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Il-profeta Eżekjel fl-Ewwel Qari, Salm 23 u l-Evanġelju skont San Mattew, it-tlieta li huma jindirizzawna lejn il-figuri tar-ragħaj u tan-nagħaġ.  

Il-profeta Eżekjel jispeċifika x’inhi l-ħidma tar-ragħaj: ifittex in-nagħaġ tiegħu, jieħu ħsiebhom, jaħseb fil-merħla tiegħu, isib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda, isalvahom minn kull fejn xterdu fiż-żmien is-sħab iswed. Kemm għandna għalxiex inkunu grati lejn Kristu r-Ragħaj tagħna li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum juża s-sengħa ta’ ragħaj biex jieħu ħsiebna, l-aktar meta fil-ħajja tagħna nsibu ruħna taħt is-sħab iswed ta’ xi ċirkostanza jew gwaj li nkunu għaddejjin minnu.  

Il-Profeta jkompli billi juża verbi ta’ ħarsien li jwettaq ir-ragħaj: “nirgħa,” “inserraħhom,” “infittex il-mitlufa,” “irreġġa’ lura l-imxerrda.” Ir-ragħaj li jieħu l-irwol ta’ first aider jew anke ta’ tabib: “ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa,” “inqawwi l-marida,” “inħares is-smina.” 

Kemm drabi fil-ħajja tagħna ħassejna lil Kristu jwettaq dawn il-ħilliet kollha. Kemm smajnieh jgħajtilna kull darba li morna ’l bogħod minnu. Kemm kien ta’ wens għalina meta kellna ġerħiet li nkunu ġarrabna minħabba xi realtà jew oħra f’ħajjitna, xi separazzjoni minn xi ħadd li ħabbejna, xi azzjoni ħażina li nkunu ġarrabna, nuqqas ta’ impjieg jew inkwiet fil-familja. Insomma, f’dak kollu li jweġġagħna fil-ħajja tagħna r-Ragħaj tagħna qiegħed hemm jgħassess fuqna u jdewwi kif jaf Hu biss il-ġrieħi tagħna.  

Il-profeta Eżekjel jaċċenna wkoll li r-Ragħaj tagħna, daqs kemm jieħu ħsieb din il-merħla, jagħmel ħaqq minnha billi jagħżel bejn nagħaġ u mogħoż u bdabad. Għaliex din id-distinzjoni, din l-għażla? In-nagħaġ huma annimali vulnerabbli li ma jafux jiddefendu lilhom infushom u li jiddependu fuq ir-ragħaj għall-ħarsien u l-kura tiegħu u biex jagħtihom direzzjoni. Il-mogħoż, min-naħa l-oħra, huma meqjusa bħala annimali ta’ ras iebsa, jafu jieħdu ħsieb tagħhom infushom u indipendenti. Il-kuntrast bejn it-tnejn hu ċar ħafna. 

Salm 23, li spiss jintuża fil-funerali, hu salm li jassigurana ħafna kemm jekk ħajjin u kemm jekk mejtin. Ir-Ragħaj taghna mhux biss jieħu ħsiebna u jagħtina assikurazzjoni f’ħajjitna, iżda anke meta jsejħilna biex nerġgħu lura “fid-dar tal-Missier,” kif kien talab il-qaddis Ġwanni Pawlu II, huwa u jgħaddi  minn din l-art għall-eternità. 

Fl-Evanġelju skont San Mattew, l-attenzjoni minn fuq ir-ragħaj tmur fuq in-nagħaġ u il-mogħoż. In-nagħaġ fuq il-lemin u l-mogħoż fuq ix-xellug. Hawnhekk naraw sensiela ta’ ‘paradossi, ta’ opposti. Ġesù r-Raghaj innifsu jieħu l-inizjattiva li jifred skont kif in-nagħaġ u l-mogħoż aġixxew fil-ħajja tagħhom mal-proxxmu tagħhom. Ġesù jara kif ġibna ruħna mal-proxxmu tagħna u jfakkarna li dak li nagħmlu mal-iżgħar wieħed inkunu qed nagħmluh miegħu.  

Dan il-ġudizzju m’għandniex għalfejn nistennew sal-aħħar ta’ ħajjitna biex jinqata’ fuqna. Il-Evanġelju skont San Mattew, kull darba li naqrawh u nimdeditawh, ifakkarna kif għandha tkun l-imġiba tagħna mal-proxxmu biex tkun togħġob lil Kristu. 

Jalla, meta nidhru quddiem ir-Ragħaj Divin u nsaqsuh, “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid jew fil-ħabs?” Hu jkun jista’ jagħtina prova ta’ dak li nkunu għamilnieh f’ismu u daqs li kieku kien Hu. Jalla, it-tweġiba tar-Ragħaj tkun stedina biex nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem,” u mhux, “Morru minn quddiemi!” 

Talba
Grazzi, Mulej, talli l-Kelma tiegħek qiegħda hemm biex tiftaħli qalbi u għajnejja għal-ħtiġijiet tal-proxxmu tiegħi. Mingħajr il-Kelma tiegħek u l-ħarsien ta’ Ragħaj ħhalek, jien bħan-nagħġa m’iniex kapaċi nasal jekk int ma turiniex it-triq li tohodni  ħdejn l-ilma fejn nistrieh. Uri, nitolbu,k o Ragħaj Divin, lill-mexxejja tad-dinja it-triq li twassal għall-paċi,  l-aktar fejn hemm il-gwerer u t-tbatija tal-innoċenti. Ammen.