Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar

It-Tnejn u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla tal-eżerċti, kulma hu l-aħjar ġej kollu minnek: nissel fi qlubna l-imħabba lejn ismek, u agħtina li bit-taħriġ reliġjuż tagħna, tmexxi ‘l quddiem dak li hu tajjeb fina u tħarishulna, bit-tħabrik tagħna bla heda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Iċċekken u ssib grazzja quddiem il-Mulej.
Sir 3:17-20,28-29

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel, u tkun maħbub iktar minn wieħed milqugħ min-nies. Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej. Ħafna huma l-imkabbrin u l-imsebbħin, imma l-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu. Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej, imma hu msebbaħ min-nies umli. M’hemmx duwa għall-bniedem kollu kburija, għax din ħaxixa ħażina b’għeruqha mxenxla fih. Min għandu l-għerf jifhem il-proverbji u l-għaref ħerqan li jkollu min jisimgħu

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 67(68):4-5aċ,6-7ab,10-11

R/. (ara 11b) O Alla, int ħejjejt dar għall-fqajjar.

Il-ġusti jithennew quddiem Alla,
jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.
Għannu lil Alla, faħħru ismu.
għaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu. R/.

Missier l-iltiema u difensur tar-romol,
hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.
Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,
u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom. R/.

Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla, fuq l-art, wirt tiegħek,
u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.
Il-poplu tiegħek għammar fiha,
fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha. R/.

Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj.
Lhud 12:18-19,22-24a

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u r-riefnu; lejn dak id-daqq ta’ tromba u ħoss ta’ kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar.

Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; ersaqtu lejn eluf ta’ anġli f’ġemgħa ferrieħa; lejn il-ġemgħa tal-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema; lejn Alla l-imħallef ta’ kulħadd; lejn l-erwieħ ta’ nies tajba u perfetti; lejn Ġesù l-medjatur ta’ patt ġdid.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 11:29ab

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,
u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
R. Hallelujah.

Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.
Lq 14:1,7-14

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ’il fuq’. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

L-Evanġelju tal-lum ikompli ma’ dak tal-Ħadd ta’ qabel: li nidħlu mill-bieb id-dejjaq.

Fi żmien Ġesù l-ikliet kienu mezz qawwi ta’ soċjalizzazzjoni. Min jistiednek, min ikun mistieden, il-post fuq il-mejda u ħdejn min tkun bilqiegħda, kollha kienu juru l-grad soċjali tal-persuna mistiedna. Jekk fil-ħajja soċjali kien hekk—u forsi għadu xi ftit hekk ukoll—għall-Mulej mhux hekk.

Kulħadd hu mistieden sabiex jipparteċipa mill-mejda Ewkaristika. Alla jistieden lil kulħadd, għax hu missier kulħadd u jagħti l-grazzji tiegħu lil kulħadd. Filwaqt li Alla jrid li kulħadd isalva, huwa ħalliena liberi. Kollox jiddependi mill-għażliet tagħna personali.

Inkunu realistiċi: ilkoll għandna ħafna tajjeb fina, fl-istess waqt, tajjeb naċċettaw ukoll li aħna midinbin. Flimkien ma’ dan, faċilment nsibu din ir-realtà ukoll: min fl-umiltà tiegħu jaċċetta lilu nnifsu u jersaq lejn Alla sabiex itejjeb ħajtu, u min fis-suppervja tiegħu jippretendi li hu aħjar minn kulħadd u jitbiegħed minn Alla.

Kemm hi ħaġa kerha meta niġġudikaw lill-oħrajn u nippretendu li nafu min għandu jidħol fis-Saltna ta’ Alla u min għandu jersaq mal-mejda Ewkaristika.

Ieqaf u Aħseb:

– M’hemmx umiltà mingħajr sinċerità
– Il-kruha u t-toqol li ġġib magħha l-pretensjoni, meta nippretendu li aħna aktar tajbin mill-oħrajn.
– Niftakru li l-aktar ħaġa importanti u meħtieġa hi li jgħollina Alla u mhux il-bniedem.


Talba

Mulej, fakkarni li Inti għani fil-ħniena, li tħobb lil kulħadd bla ebda distinzjoni. Għini nrażżan fija l-kilba għall-ġudizzju fuq l-oħrajn, il-kilba li nqies lili nnifsi aħjar mill-oħrajn. Mulej, agħtini qalb safja li tfittex it-tajjeb fl-oħrajn. Mulej, tħallix li n-nuqqas ta’ umiltà tiegħi jbegħidni minnek u minn ħuti l-bnedmin. Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli, Sinjur Alla.

San Ġorġ Preca