Ma’ Ġesù jew kontrih?

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan Sena A

Kolletta

O Alla, int b’mod tal-għaġeb terġa’ tħabbeb miegħek lill-bniedem permezz tal-Verb tiegħek: agħmel li l-poplu nisrani jitħejja b’qima kbira u fidi mħeġġa biex jiċċelebra l-festa solenni tal-Għid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

David ikkonsagrat sultan ta’ Iżrael.
1 Sam 16:1b,6-7,10-13a

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Samwel: “Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemita, għaliex minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan”.

Ġara li malli wasal, Samwel ra lil Elijab u qal: “Hawn quddiem il-Mulej il-midluk tiegħu?”. U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta’ persuntu, għax jiena diġà warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb”.

Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar lil ħadd minn dawn”. U ssokta jgħidlu: “Dawn huma t-tfal kollha?”. Ġesse wieġbu: “Għad fadal iż-żgħir, qiegħed jirgħa n-nagħaġ”. U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn”. U bagħat għalih u ġiebu. Kien żagħżugħ ruxxan, għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu”. Samwel ħa f’idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu. Minn dakinhar ’il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 22(23):1-3a,3b-4,5,6

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
l-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

Qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.
Efes 5:8-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kulma hu tjieba, f’kulma hu ġustizzja, f’kulma hu verità. Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej, u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott, imma ikxfuhom fil-beraħ. Għax dak li qegħdin jagħmlu huma fil-moħbi, tistħi mqar jekk issemmih; imma meta wieħed joħroġhom fil-beraħ, id-dawl juri kollox, għax kulma jidher hu dawl; għalhekk jingħad: “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ara Ġw 8:12

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jiena d-dawl tad-dinja,
jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Mort, inħsilt, u ġejt nara.
Ġw 9:1-41

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”. Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja”.

Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”. Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?”. Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli: ‘Mur fis-Silwam u nħasel hemm’. Mort, inħsilt, u ġejt nara”. Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?”. Qalilhom: “Ma nafx”.

Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid
lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”.

Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.

U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu, ħa jitkellem hu għalih innifsu”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri wieġbu: “Żmien għandu, staqsu lilu”.

Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb”. Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx. Ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara”. Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?”. U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?”. U qabdu jgħajruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!”. Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek!”. U keċċewh ’il barra.

Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu. Imbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma”. Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”. Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: ‘Aħna naraw’, mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

EVANĠELJU
Mort, inħsilt, u ġejt nara.
Ġw 9:1,6-9,13-17,34-38

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu; beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”.

Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”. Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.

U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek”. U keċċewh ’il barra.

Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fl-Evanġelju niltaqgħu ma’ diversi mumenti u ġrajjiet fejn Ġesù jistieden xi wħud li ltaqa’ magħhom biex jagħmlu għażliet fundamentali fil-ħajja tagħhom. Forsi l-aktar li niftakru hu l-mod kif għażel lit-Tnax u l-isfida li poġġa liż-żagħżugħ għani. Imma lil Ġesù nsibuh jistieden oħrajn biex jagħmlu għażliet simili. F’xi drabi din l-istedina jagħmilha lill-persuni li jkunu resqu lejh huma, bħall-għaref tal-liġi li staqsih min hu l-proxxmu tiegħu. Wara li rrakuntalu il-parabola tas-Samaritan it-Tajjeb, Ġesù jgħidlu li jekk irid ikun proxxmu għal ħaddieħor imur u jagħmel l-istess bħas-Samaritan. Lill-persuni oħra, bħal Żakkew, Ġesù jersaq lejhom hu u jagħmlilhom offerta li ma jkunux jistgħu jiċħduha. Meta Żakkew għażel li jilqa’ lil Ġesù f’daru, Ġesù qallu li “llum f’din id-dar daħħlet is-salvazzjoni.” Min jista’ jirreżisti offerta li jekk tagħżilha se tirċievi s-salvazzjoni? 

Is-silta kemmxejn twila tal-Evanġelju tal-lum tirrakkonta mument ieħor fejn persuna li ltaqgħet ma’ Ġesù kellha tagħmel għażla fundamentali. Fid-disa’ kapitlu tal-Evanġelju tiegħu, San Ġwann jirrakkonta l-istorja tal-fejqan minn Ġesù ta’ raġel għama minn twelidu. Filwaqt li l-Ħadd li għadda t-tema prinċipali kienet l-ilma, illum hija d-dawl. Bl-istess mod ta’ kif il-mara Samaritana kienet kapaċi tara f’Ġesù dak li, iktar mill-għatx fiżiku, seta’ jaqtgħalha dak spiritwali, bl-istess mod dan ir-raġel għaraf jimxi mid-dawl fiżiku għal dak spiritwali, meta għaraf lil Ġesù mhux biss bħala dak li fejqu fiżikament imma bħala l-Mulej tiegħu. Dan il-proċess ta’ konverżjoni li għamel l-imwieled għama li rċieva d-dawl jikkuntrasta bil-qawwi mal-attitudni tal-Fariżej li, għalkemm kienu fiżikament jaraw, spiritwalment kienu fid-dlam għaliex ċaħdu li jagħrfu lil Ġesù bħala dak li tassew hu, l-Iben ta’ Alla. 

Dan il-qari mill-Evanġelju skont San Ġwann iservi wkoll bħala t-tema tat-Tieni Skrutinju għal dawk li qed jippreparaw sabiex jirċievu is-sagramenti tal-Magħmudija, il-Griżma tal-Isqof u l-Ewkaristija fil-Vġili tal-Għid. Dawn il-magħżula huma mistiedna sabiex jeżaminaw lilhom infushom u jaraw kemm Ġesù huwa l-veru Dawl tagħhom: Kemm qegħdin iħarsu lejn il-ħajja minn għajnejn Ġesù? Kemm il-valuri tagħhom jixbhu lil dawk tas-saltna ta’ Alla kif irrevelata permezz ta’ Ġesù? Aħna wkoll mistiedna biex flimkien magħhom nagħmlu dan l-eżami tal-kuxjenza fi spirtu ta’ talb u sawm. 

Talba

Missier il-Ħniena, inti mexxejt lir-raġel imwieled għama lejn is-Saltna tad-dawl permezz tal-għotja tal-fidi f’Ibnek. Eħlisna lkoll minn dak kollu li qed jagħmina. Wettaqna fil-verità tiegħek u agħmilna wlied id-dawl dejjiemi tiegħek. Ammen.