Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus
Il-Ħamsa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Kolletta
O Alla, int ġbart id-digrieti kollha tal-liġi mqaddsa fil-kmandament tal-imħabba tiegħek u tal-proxxmu; agħmel li aħna nħarsu l-preċetti tiegħek, biex jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Wara li l-Ħadd li għadda, fi triqtu lejn Ġerusalemm, Ġesù jindirizza dawk t-tliet parabboli tal-ħniena lill-Fariżej bħala risposta għall-kritika tagħhom li fil-ministeru tiegħu kien jilqa’ u jitħallat mal-midinbin pubbliċi, immedjatament wara Ġesù jerġa’ jindirizza lid-dixxipli tiegħu b’diskors li, jekk tkun qed tisimgħu għall-ewwel darba, faċli tgħid, “Imma dan x’tah Ġesù llum? Possibbli qed jitkellem hekk?”
Biex nibdew nifhmu ftit ftit dan id-diskors kemxejn stramb fl-ewwel versi ta’ kapitlu sittax tal-Evanġelju skont San Luqa, tajjeb nirrealizzaw li mhuwiex daqstant imbiegħed minn dak li nsibu li Ġesù qal fiż-żewġ kapitli ta’ qabel li qrajna minnhom fiż-żewġt iħdud li għaddew, mhux biss għax il-kuntest fejn iseħħ id-diskors huwa l-istess wieħed—jiġifieri fi triq Ġesù lejn Ġerusalemm fejn sejjer jagħti ħajtu għalina—imma anke għax insibu għadd ta’ temi u kliem komuni, liema kliem se jgħinna nifhmu aħjar il-messaġġ attwali imma mpoġġi fi kliem stramb tal-Evanġelju tal-lum.
L-ewwel nett, insibu t-tema komuni tal-ġid, fejn żewġt iħdud ilu, Ġesù jgħid li ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħu jekk ma jitlaqx ġidu kollu, u illum Ġesù jitkellem dwar dak l-amministratur li kien qiegħed iberbaq il-ġid tas-sinjur tiegħu—l-istess kif il-Ħadd li għadda, fil-parabbola tal-iben il-ħali, rajna lill-iben iż-żgħir iberbaq is-sehem tiegħu ta’ ġid missieru. U għalhekk, illum dlonk niġu mfakkra li l-ġid kollu li bħala bnedmin li ngħixu f’soċjetà mibnija fuq il-kummerċ żgur se jkollna namministraw b’xi mod jew ieħor, sew jekk għall-familja tagħna u sew jekk hu l-ġid ta’ ħaddieħor fix-xogħol tagħna jew kariga oħra pubblika jew fil-Knisja, dan il-ġid qatt mhu tagħna personali imma hu dejjem fdat f’idejna—anke l-ġid personali tagħna hu misluf lilna, fdat f’idejna biex inħaddmuh b’għaqal.
U hawn jiġi paragun ieħor, din id-darba ma’ kapitlu tnax tal-istess Evanġelju skont San Luqa, fejn Ġesù jitkellem dwar dak il-qaddej tassew għaqli li s-sid jafdalu f’idejh il-ġid kollu ta’ daru. Iżda dakinhar Ġesù wissa wkoll li, jekk dan il-qaddej jitlef għaqlu u jibda jaħqar lill-qaddejja l-oħra sħabu u jagħtiha għax-xorb u s-sokor (u wieħed jista’ jassumi li kien qiegħed jixrob minn fuq dar ġid is-sid tiegħu, u appuntu jberbaqlu ġidu), tiġi s-siegħa fejn is-sid jirritorna lura d-dar f’ħin mhux mistenni u jagħmel ħaqq minn dan il-qaddej (ara Lq 12, 41-46)—l-istess bħalma l-qaddej tal-Evanġelju tal-lum jitkeċċa mill-pożizzjoni ta’ fiduċja tiegħu.
X’inhi r-risposta aħħarija ta’ Ġesù? “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.” Il-ġid huwa importanti u għandu l-użu tiegħu, u jeħtieġ inkunu għaqlin fit-tħaddim tiegħu, mingħajr ma nħallu lil ħadd jidħaq bina jew jgħaddina biż-żmien, imma fl-istess waqt mingħajr ma jsir Alla tagħna. Għax bħalma ħadd ma jista’ jkun dixxiplu ta’ Ġesù “jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu” (Lq 14, 26), hekk ukoll, “ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor.” Nerġgħu niltaqgħu mal-kelma qawwija “jobgħod”: għax il-punt li fih il-flus isiru alla tagħna, Alla jċedi postu u nsibu ruħna ’l barra mis-Saltna ta’ Alla, ’il bogħod mid-dar tal-Missier, mixtieqa li mqar nixbgħu bl-ikel tal-qżieqeż daqs kemm naqgħu fil-baxx.
Talba
Mulej Ġesù, agħmel li nkunu fidili fil-qadi ta’ dmirijietna fis-soċjetà u fit-tħaddim tal-ġid fdat f’idejna, sabiex ikun jistħoqqilna l-ġid veru, li tagħna tkun is-Saltna ta’ Alla, kif wegħidt fid-diskors tal-barkiet tiegħek: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla”
Lq 6, 20