Marru u raw fejn kien jgħammar il-Mulej

Tieni Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla ta’ setgħa bla tarf, li taħkem fuq kollox, fis-sema u fl-art, isma’ bit-tjieba t-talb tal-poplu tiegħek, u agħtina l-paċi fi żmienna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.
1 Sam 3:3b-10,19

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, Samwel kien mimdud fit-tempju tal-Mulej, fejn kien hemm l-arka ta’ Alla.

Il-Mulej sejjaħ: “Samwel!”. U dan wieġeb: “Hawn jien!”. U mar jiġri għand Għeli. “Hawn jien”, qallu, “għalfejn sejjaħtli?”. “Ma sejjaħtlekx”, wieġeb, “erġa’ mur imtedd”. U raġa’ mar jorqod.

U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!”. U Samwel qam u mar għand Għeli u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?”. “Ma sejjaħtlekx, ibni”, wieġeb, “erġa’ mur orqod”. Samwel kien għadu ma għarafx il-Mulej, u anqas kienet għadha ma ttgħarrfitlu l-kelma tal-Mulej.

U ssokta l-Mulej isejjaħ: “Samwel!” għat-tielet darba. U dan qam, u mar għand Għeli, u qallu: “Hawn jien! Għalfejn sejjaħtli?”. U Għeli fehem li l-Mulej kien qiegħed isejjaħ iż-żagħżugħ. U qal lil Samwel: “Mur orqod. Jekk jerġa’ jsejjaħlek, wieġeb: ‘Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’’”. U Samwel mar jorqod f’postu.

U l-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!”. U Samwel wieġeb: “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”.

Samwel kiber, u l-Mulej kien miegħu, u ma ħalla ebda kelma milli qal tmur fix-xejn.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 39(40):2,4ab,7-8a,8b-9,10

R/. (8a.9a): Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. R/.

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.

“Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.

L-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu.
1 Kor 6:13c-15a,17-20

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, il-ġisem mhuwiex għaż-żína iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem. U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu. Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed jagħmel hu ’l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess. Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom? Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 1:41,17b

Hallelujah. R/. Hallelujah
“Sibna l-Messija”:
il-grazzja u l-verità seħħu permezz tiegħu.
R/. Hallelujah

Marru u raw fejn kien jgħammar il-Mulej.
Ġw 1:35-42

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġwanni kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?”. Iżda huma staqsewh: “Rabbi” – li tfisser, Mgħallem – “fejn toqgħod?”. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar.

Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Illum il-Knisja tippreżentalna s-sejħa tal-ewwel erba’ dixxipli skont kif jirrakkuntahielna l-Evanġelista San Ġwann. Interessanti li skont San Ġwann, din is-sejħa ma sseħħx max-xatt tal-baħar tal-Galilija imma f’Betanja fejn Ġwanni kien jgħammed, u saħansitra l-erba’ dixxipli kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista qabel ma saru dixxipli ta’ Ġesù. Ġwanni l-Battista ma jżommx l-attenzjoni fuqu. Hu li ġie biex iwitti t-triq tal-Imgħallem, iwarrab u jipponta subgħajh lejn “Il-Ħaruf ta’ Alla.” Jeħtieġ li jiċkien hu biex jikber Ġesù.

Sabiħa immens li huwa Ġesù li jieħu l-inizjattiva. Huwa Ġesù li minn jeddu jdur u jkellem (jew aħjar jistaqsi) lil dawk li kienu mexjin warajh. Kemm hu minnu dak li naqraw fl-istess Evanġelju: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15, 16). Ta’ min jinnota li l-ewwel kelmiet li jlissen Ġesù fir-Raba’ Evanġelju huma proprju mistoqsija: “Xi tridu?” Mhix kumbinazzjoni! Hija l-mistoqsija li jiftaħ biha u jistedinna ngħarblu fina nfusna. Aħna li qed nippruvaw nimxu warajh, x’qed infittxu? Lil min irridu? U Ġesù ma jaħlix ħin jispjega. Ma jagħmlilhom l-ebda prietka. Imma jistedinhom: “Ejjew u taraw.” U hekk jagħmel magħna. Jistedinna nduquh, jistedinna nippruvawh. L-esperjenza miegħu ma tista’ qatt tirriduċiha fi kliem. Wieħed irid iġarrabha—“Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej” (Salm 33, 9). 

Kif ġabu ruħhom dawn id-dixxipli? Semgħu minnu. Marru warajh u raw fejn kien jgħammar. U l-Evanġelista jagħtina d-dettall sabiħ: “u dakinhar baqgħu miegħu.” Dan hu s-sigriet ta’ kull vokazzjoni: li tibqa’ miegħu, li ma taqlax ħarstek minn fuqu. Għax la darba ġġarbu, ma tkunx trid titilqu. Għandu biss hemm l-hena veru. U proprju dan il-ferħ ma jħalliniex bi kwietna. Indrì ma kienx kuntent li jżommu għalih … ried idewwqu lil ħuh: “l-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh,” u ħadu għand Ġesù. Xi grazzja kbira dik: li ħaddieħor jiltaqa’ mal-Messija permezz tagħna! 

Talba

Mulej, fil-bidu tar-rakkont Ġwanni jsejjaħlek “il-Ħaruf ta’ Alla.” Imbagħad id-dixxipli jindirizzawk bħala “Rabbi.” Imma huwa biss wara li baqgħu miegħek li skoprew li inti l-Messija. Dan hu li nixtieq nitolbok illum: Li nibqa’ miegħek. Li nisimgħek tistaqsini mill-viċin, “Xi trid?” Li nisimgħek tfesfisli f’widnejja, ”Ejja ħa tara.” Li nkun miegħek huwa biżżejjed. Li nibqa’ miegħek huwa kollox. Il-bqija f’idejk. Ammen.