Mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin

It-Tnejn u Tletin  Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla ħanin li tista’ kollox, fit-tjieba tiegħek biegħed minna kull għawġ, biex inkunu ħielsa fir-ruħ u l-ġisem, u naqduk bla xkiel ta’ xejn. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Is-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem.
2 Makk 7:1-2,9-14

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej

F’dak iż-żmien, qabdu sebat aħwa u ’l ommhom; u s-sultan beda biex jisfurzahom bid-daqqiet tas-swat u tan-nerv biex jieklu l-laħam tal-majjal li ma jiswiex. Wieħed minnhom beda jitkellem f’isem l-oħrajn u qal: “X’int tfittex tistaqsi u trid taf minna? Aħna lesti mmutu, imma m’aħniex lesti niksru l-liġijiet ta’ missirijietna”. U t-tieni wieħed, kif kien fl-aħħar nifs, qallu: “Int, bniedem mill-agħar, int se ċċaħħadna mill-ħajja ta’ issa, imma s-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem, lilna li se mmutu għal-liġijiet tiegħu”. Imbagħad wara dan bdew jittorturaw it-tielet wieħed u malli talbuh ħareġ minnufih ilsienu u bla biza’ ta’ xejn midd idejh u ta’ qalbieni li kien għajjat: “Mis-sema ksibthom dawn, u għal-liġijiet tiegħu jien nistmerrhom, għax mingħandu nittama li għad nerġa’ niksibhom”. Saħansitra s-sultan u dawk ta’ madwaru stagħġbu bil-qawwa ta’ dan iż-żagħżugħ, kif l-uġigħ ma kien iqisu xejn. Meta miet dan, bdew jittorturaw u jbiċċru r-raba’ wieħed bl-istess mod. Meta wasal fl-aħħar qal: “Aħjar li wieħed imut b’idejn il-bnedmin meta jkollu t-tama mingħand Alla li għad iqajmu mill-ġdid. Imma għalik m’hemmx qawmien għall-ħajja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 16(17):1,5-6,8b,15

R/.(15b): Meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,
ilqa’ l-għajta tiegħi,
agħti widen għat-talb tiegħi;
bla qerq huma xufftejja. R/.

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,
qatt ma għotru riġlejja.
Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;
ressaq widintek lejja, isma’ kliemi. R/.

Għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni.
Jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;
meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek. R/.

Il-Mulej isaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba.
2 Tess 2:16–3:5

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

Ħuti, Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta’ dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja, iqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba. Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom. Itolbu biex inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi. Iżda l-Mulej hu fidil: hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin. Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom. Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla u s-sabar ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Apok 1:5a,6b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ġesù Kristu, il-Kbir fost il-mejtin:
lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem.
R. Hallelujah.

Mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin.
Lq 20:27-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh’. Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.

Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

In-nuqqas ta’ twemmin mis-Sadduċej fil-qawmien mill-imwiet u fl-Anġli jikxef realtà u verità importanti ħafna. Fil-Poplu ta’ Alla jista’ jkollok nies, anke kapijiet reliġjużi importanti bħalma kienu s-Sadduċej fir-Reliġjon Lhudija, li jiċħdu veritajiet importanti fil-ħajja spiritwali u reliġjuża.

Aħna l-Insara għandna fostna min jiċħad il-verità li fl-Ewkaristija hemm tassew il-preżenza reali ta’ Ġesù, Alla u Bniedem, maqtul u rxuxtat. Hemm min jiċħad li l-Kelma ta’ Alla hi kollha kemm hi ispirata minn Alla l-Ispirtu s-Santu. Hemm min jiċħad l-importanza li l-Kelma neħtieġu mhux biss nisimgħuha imma wkoll nagħmluha biex insalvaw.

F’dan iż-żmien li fih qed nersqu lejn it-tmiem tas-Sena Liturġika—u għalhekk qed infakkru b’mod qawwi t-Tieni Miġja ta’ Ġesù bħala Sultan u Mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin—jeħtieġ li nirriflettu bis-sens fuq it-tmiem ta’ ħajjitna (xi skop għandha ħajjitna, xi pjan għandu għalina personalment il-Missier u kemm qed inwettquh) u t-tmiem ta’ kollox (it-tiġdid tal-art u s-sema). Huma veritajiet tal-fidi tagħna li jżommuna saqajna fuq l-art u moħħna fis-Sema.

Għal ħafna Nsara, il-ħajja reliġjuża tagħhom mhi xejn ħlief rifless tal-ħajja tal-bnedmin l-oħra li ma jemmnux. Għandhom drawwiet reliġjużi imma l-ebda relazzjoni ma’ Ġesù. Aħna rridu nkunu dawk li nagħmlu l-Kelma ta’ Alla, jiġifieri ma narmu l-ebda kelma ispirata għax ma nifhmuhiex jew għax tqila biex tgħixha. Bħal Marija, irridu nimxu wara Ġesù f’kull kelma li qalilna. U hekk biss il-ferħ tagħna jkun sħiħ u l-imsiebaħ tagħna jkunu mimlijin biż-żejt u nkunu lesti li nilqgħuh lill-Għarus Sabiħ u Maħbub tagħna.

Inti lest li tilqa’ l-Aħbar Tajba kollha kemm hi? Jew hemm xi partijiet minnha li ssibhom diffiċli taċċettahom? Fil-każ, liema huma? Qatt staqsejt lil min jista’ jgħinek f’dan?

It-tmiem ta’ ħajtek (kif spjegat iktar ’il fuq) jagħtik sens għal ħajtek (a sense of purpose)? Il-Knisja qiegħda hemm biex tgħin lill-membri tagħha jimxu wara Ġesù. Kemm tfittex l-għajnuna tagħha biex tersaq eqreb lejn Ġesù?

Talba

Missier, permezz tal-Ispirtu tiegħek, inti għarraftna bil-veritajiet li jwassluna għas-salvazzjoni eterna. Nitolbuk il-protezzjoni tad-Demm prezzjuż ta’ Ġesù minn kull qerq u gideb tal-Ħażin li jista’ jtellifna t-triq. Kompli ħarisna u kkonsagrana bil-Kelma tiegħek ħalli qalbna tkun lesta tilqgħek f’kull ħin.

Grazzi, Mulej.