Miexja ma’ Ġesù

It-Tlieta u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla, inti tajtna l-fidwa u għamiltna wlied adottivi tiegħek; ħares bit-tjieba lejn l-ulied għeżież tiegħek, biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu ħielsa tassew u jiksbu l-wirt ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Min jista’ jifhem xi jrid il-Mulej?
Għerf 9:13-19

Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Min jista’ jagħraf ħsieb Alla?
Min jista’ jifhem xi jrid il-Mulej?
Beżżiegħa huma ħsibijiet il-bnedmin,
u kull pjan tagħna mhu xejn fiż-żgur;
għax ruħna mtaqqla b’ġisem li jitħassar,
u għar-ruħ li taħseb hu piż it-tafal li fih tgħammar.
Bilkemm nistgħu nintebħu x’hemm fuq l-art,
u bit-tbatija nsibu dak li hu taħt għajnejna;
mela min jista’ jitkixxef fuq il-ħwejjeġ tas-sema?
Min qatt għaraf ir-rieda tiegħek,
jekk int innifsek ma tajtux l-għerf,
u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-ispirtu qaddis tiegħek?
Hekk saru dritti triqat in-nies tal-art,
hekk tgħallmu l-bnedmin dak li jogħġob lilek,
u salvaw bis-saħħa tal-għerf.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 89(90):3-4,5-6,12-13,14,17

R/.(1): Mulej, int kenn għalina.

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”.
Elf sena huma għalik bħall-jum tal-bieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. R/.

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

Ilqgħu mhux bħala lsir, iżda bħala ħuk għażiż.
Filemon 9b-10,12-17

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon

Għażiż, jiena, Pawlu, raġel xwejjaħ, u issa priġunier ta’ Kristu Ġesù, qiegħed nitolbok bil-ħerqa għal ibni, li jiena nissilt fil-ktajjen, għal Oneżimu. Xtaqt kieku żammejtu miegħi, biex, kif jien fil-ħabs għall-Evanġelju, idur bija minflokok hu. Iżda ma ridt nagħmel xejn mingħajr ma nara x’jidhirlek int, biex l-opra tajba tiegħek ma tkunx għamiltha bilfors, imma tkun ħierġa mill-qalb. Għandu mnejn li għalhekk hu telaq minn miegħek għal ftit, biex inti terġa’ tiksbu lura għal dejjem, mhux iktar bħala lsir, imma xi ħaġa iktar minn ilsir, bħala ħuk għażiż; għażiż fuq kollox għalija, imma kemm iktar għalik, skont id-dinja u skont il-Mulej. Int mela, jekk inti qalb waħda miegħi, ilqgħu bħallikieku kont jien!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 118(119):135

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
R. Hallelujah.

Ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.
Lq 14:25-33

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma’ Ġesù. Hu dar lejhom u qalilhom: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sal-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid: ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sal-aħħar’. Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù ma jikkuntentax billi aħna nimxu warajh imma jrid jagħmilna konxji ta’ xi prezz irridu nkunu lesti li nħallsu. Il-folol kbar qatt ma impressjonaw lil Ġesù. Hi mill-motivazzjoni tagħhom li jimxu warajh li kien jimpurtah l-aktar. Fil-fatt ipoġġi tliet kundizzjonijiet għal min irid jimxi warajh:

“… jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu”;
“Min ma jerfax salibu u jimxi warajja …”; ·      
“… jekk ma jitlaqx ġidu kollu.”  

Barra minn hekk, biex timxi wara Ġesù trid qabel xejn tiddixxerni: “Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa … Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda …”

Hu jistedinna npoġġu bilqiegħda u niddixxernu jekk aħniex kapaċi nilħqu l-miri tiegħu. Meta noqgħod fil-kwiet ma’ din is-silta tajjeb insir konxju tal-ħsibijet u s-sentimenti li  qed tqanqal fija. Kliem Ġesù qed iħawwadni? X’inhu jitlob minni? Kif jista’ Ġesù jitlob minni li nġib lilu qabel dawk tant għeżież għalija, qabel il-ġid tiegħi? Forsi nasal biex inċedi l-ġid tiegħi, iżda mhux daqshekk faċli li nċedi l-għeżież tiegħi. Ir-rabtiet emozzjonali u materjali  jafu jidħlu bejni u bejnu bil-konsegwenza  li jipparalizzaw il-mixja tiegħi warajh. 


Sant’Injazju ta’ Loyola, fl-Eżerċizzi Spiritwali, jgħidilna li Ġesù jridni ninħeles mid-diżordni li dawn il-ġibdiet iġibu fil-ħajja tiegħi. Huwa fatt li Ġesù għandu xewqa kbira li jpoġġi l-ordni fil-ħajja tiegħi. Id-dixxerniment jgħinni nagħraf il-limiti tiegħi u jeħlisni minn konkluzzjonijiet mhux realistiċi.

Ġesù jridni nimxi warajh meħlus mil-lamentazzjoni dwar dak li ħallejt warajja biex nimxi warajh. Bħal Pietru, jiena wkoll nista’ noqgħod nagħmel kalkoli ta’ dak li ċedejt u ta’ dak li nippertendi bħala kumpens.

F’silta oħra, Ġesù jgħidilna li dak kollu li se nħallu għal imħabba tiegħu ħa jroddulna lura għal mitt darba aktar. Tiftakru dan il-kliem?

Talba

Mulej, eħlisni minn qtigħ il-qalb biex nimxi warajk.

Poġġi bilqiegħda u ħallini niftaħ qalbi miegħek.

Jien nemmen li int ser tagħtini s-saħħa li nagħmel dan il-pass kuraġġuż u nimxi warajk.

Ammen.