Min hu għani?

Is-Sitta u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla, inti tagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina; xerred dejjem fuqna l-grazzja tiegħek, biex inħaffu fit-triq tal-wegħdiet tiegħek u tagħtina sehem mill-ġid tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Tintemm l-għajta tal-imhejmin.
Għam 6:1a,4-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

Dan jgħid il-Mulej li jista’ kollox:
“Ħażin għalihom
dawk li f’Sijon għandhom moħħhom mistrieħ,
dawk li qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija!
Fuq sodod tal-avorju mimduda,
jitmattru fuq il-friex;
u ħrief il-merħla jieklu, għoġiela mill-istalla.
Mal-arpa jqabblu l-għana,
bħal David strumenti jivvintaw.
L-inbid ilegilguh minn bwieqi kbar,
u bl-ifjen żjut jindilku,
bla xejn ma jsewdu qalbhom
għall-qerda ta’ Ġużeppi.
Għalhekk ikunu l-ewwel fost dawk li jittieħdu fl-eżilju,
u tintemm imbagħad l-għajta tal-imhejmin”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 145(146):7,8-9a,9bċ-10

R/.(1b): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Il-Mulej li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.

Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

Ħares l-istruzzjonijiet sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Tim 6:11-16

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.

Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu. Inwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad juriha f’waqtha.

Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani, is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien, li hu biss ma jmut qatt u jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh, hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista’ jarah. Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Amen.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 8:9

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Sidna Ġesù Kristu, li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
R. Hallelujah.

Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu, issa hu qiegħed jitfarraġ.
Lq 16:19-31

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.

Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”.

Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”. Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”. Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Ir-rakkont jibda billi jgħid li Ġesù kien qed ikellem direttament lill-Fariżej qabel ma jirrakkonta din il-parabbola. Ftit versi qabel, l-Evanġelista Luqa jgħid hekk: “Il-Fariżej, li kellhom ir-regħba għall-flus, meta semgħuh jgħid dan kollu qabdu jiddieħku bih” (Lq 16, 14).

Ġesù hu l-Imgħallem tat-Triq. Dak li jgħid iqanqal imħabba f’xi wħud, mibgħeda f’oħrajn, u indifferenza fil-bqija. Fejn jidħol it-tagħlim tiegħu dwar il-flus u l-ġid tal-art, Ġesù juri li dawn għandhom valur biss f’din il-ħajja u hemm tentazzjoni kbira u qawwija li jsiru alla, idolu, skop għall-ħajja. Ir-regħba hi l-kilba bla rażan għall-ġid materjali bħallikieku kien l-uniku skop tal-ħajja.

Fil-parabbola, Ġesù jippreżentalna żewġ personaġġi: is-sinjur u l-fqir. Is-sinjur hu bla isem  … qisu biex juri li fl-eternità jitlef kollox. Il-fqir jismu Lazzru (bħal ħu Marta u Marija, ħbieb tal-Mulej) …donnu biex juri li dan hu ħabib ta’ Alla fl-eternità, ismu miktub fil-Ktieb tal-Ħajja.

Tgħid intebħu l-Fariżej ma’ min qed ixebbahhom Ġesù? Żgur li ntebħu!

U aħna? Aħna nintebħu lil min nixbhu?

X’valur għandu l-ġid materjali għalina? Kemm qed nużawh għall-ġid tal-oħrajn? Nitkellmu ċar. Hawn Ġesù mhux jitkellem dwar affarijiet u valuri li nistgħu naqsmuhom mal-oħrajn. Qed jitkellem ċar u tond dwar il-flus! Għalhekk l-Evanġelista jispjega x’kien id-difett morali tal-Fariżej, jiġifieri li kellhom regħba għall-flus.

X’qed nagħmlu bi flusna?

Hawn min jiġġieled għall-wirt. Hawn min ma jagħtix lill-ħaddiema dak li ħaqqhom. Hemm min irekken biss. Hemm min iberbaqhom f’xiri bla kontroll, jew fi tberbiq kif ġie ġie għax jgħid, “Mhux jien ħdimt għalihom!” X’qed nagħmlu bi flusna?

Talba

Mulej Ġesù, inti għext fostna u tajtna eżempji qawwija ta’ kif tintelaq fil-providenza ta’ Missierek. Nitolbuk tagħtina l-Ispirtu tiegħek għax bil-ħila tagħna m’aħniex kapaċi nikkontrollaw il-ġibdiet tagħna inkluża r-regħba għall-flus. Agħmilna dixxipli tiegħek anke fl-użu tal-flus għall-glorja tal-Missier. Grazzi Mulej.