Nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid (Ċ)

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxina lejn ix-xirka tal-henjin fis-sema, biex aħna, il-merħla ċkejkna tiegħek, naslu fejn daħal qabilna r-Ragħaj qawwi tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Aħna se nduru fuq il-pagani.
Atti 13:14,43-52

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba minn Perge baqgħu sejrin sa ma waslu f’Antjokja ta’ Pisidja. F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma’ Pawlu u ma’ Barnaba, u dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.

Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: ‘Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art’”.

Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 99(100):2,3,5

R/.(3c): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla:
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

Il-Ħaruf ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja.
Apok 7:9,14b-17

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.

U wieħed mix-Xjuħ qalli: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu. Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah.

Lin-nagħaġ tiegħi nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 10:27-30

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni.

Dawn huma nagħaġ li jappartjenu lil Ragħaj wieħed u leħnu jisimgħu. Jekk jien nagħġa jew ħarufa ta’ dan ir-Ragħaj li jismu Ġesù, allura jien ma nistax inkun ta’ ħaddieħor. Skont Ġesù, jeżisti għadu li jipprova jisraq, joqtol, u jeqred. Huwa brigant u ħalliel. U mhuwiex waħdu, imma huma ħafna (v. 8-10).

In-nagħaġ huma ta’ Ġesù għax ħallas għalihom b’demmu. Immarkati bis-siġill tiegħu li hu l-Ispirtu s-Santu. U kif inkun naf li jien tiegħu? Billi nisma’ LEĦNU!

Ħafna jsaqsu: Kif tisma’ lil Alla jkellmek?

Alla l-Imbierek jitkellem bil-ħolqien tiegħu, jitkellem bil-ħajja ta’ wliedu, jitkellem bil-Bibbja, bit-tagħlim tal-Appostli u tal-Knisja. Fuq kollox, kellimna u jkellimna permezz ta’ Ibnu Ġesù. Faċli, le? Naqra u nirrifletti fuq il-ġrajjiet u l-kliem ta’ Ġesù kif kienet tagħmel Ommu l-Għażiża, Marija. Noqgħod kwiet, sieket, attent. Inħalli l-Ispirtu s-Santu jfehimni dak li naqra u ninterpreta f’ħajti dak li nifhem. Inħalli moħħi jittrasforma, jinbidel. Għax jeżistu diversi ilħna qarrieqa u rrid nitgħallem niddixxerni leħen il-Maħbub Ragħaj. 

Jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja

Minn xiex jagħrafhom lin-nagħaġ tiegħu? Għax jisimgħu leħnu! U jimxu warajh! Din hi l-badge tiegħi: l-ubbidjenza fidila lejh. Ħarsti fuqu.

Jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.

Xi kliem ta’ faraġ! Diġà rċevejna l-ħajja ta’ dejjem jekk nemmnu f’Ġesù, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj. U mhux għax nimmeritawha: hi rigal mingħand dak li jħobbna. Tassew, x’espressjoni qawwija: “huma ma jintilfu qatt.” Kif nista’ ngħix imdejjaq jew qalbi maqtugħa meta nisma’ kliem bħal dan? “Minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.” Xejn ma jifridni mill-imħabba ta’ Alla li dehret f’Sidi Ġesù Kristu. 

Missieri, li tahomli

Is-sigurtà li kellu Ġesù meta qal dan il-kliem ġietu mill-fatt li kien jaf min tah dawn in-nagħaġ. Jien naf li jien maħbub. Jien naf li jien għażiż. Jien naf li għandi l-ħajja eterna. Għax Alla ma jqarraqx bija, ma jidħaqx bija. Jien tiegħu u Hu tiegħi. Grazzi, Mulej!

Kif tista’ ma temminx?

Aħseb ftit, kif u fiex qed tinvesti ħinek u l-enerġija tiegħek? Lil min qed tisma’? Agħrbel lilek innifsek u fittex skopri għaliex m’għandekx ħin tiskot u tfittex lilu li jħobbok?

Agħraf min huma l-għedewwa tiegħek, il-ħallelin li qed jagħmlu ħilithom biex jisirquk, joqtluk, u jeqirduk.

Taħseb int li hija kumbinazzjoni li ħafna Nsara qed jitilqu l-fidi? 

Agħmel il-qalb. Ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier.

Talba

Maħbub Ragħaj, grazzi talli tajt ħajtek għalina sabiex ħadd ma jkun jista’ jisraqna mit-tgħanniqa kollha mħabba tiegħek. Ammen.

Ammen.