Qam tassew!

L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet

Kolletta
O Alla, illum, b’Ibnek il-waħdieni, il-mewt ġiet megħluba, u int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem: agħtina li, aħna u niċċelebraw il-festa solenni tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, niġġeddu bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u nqumu għad-dawl tal-ħajja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet.
Atti 10:34a,37-43

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 117(118):1-2,16ab-17,22-23

R/. (24): Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn qiegħed Kristu.
Kol 3:1-4

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew

Tnaddfu mill-ħmira l-qadima, ħa tkunu għaġna ġdida.
1 Kor 5:6b-8

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SEKWENZA

Ħa jgħollu l-Insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.

F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.

“Għidilna, Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min rajt?”.
“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, il-liżar.

Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh”.

O, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Amen! Hallelujah!

Victimæ paschali laudes
immolent christiani.
Agnus redemit oves:
Christus innocens
Patri reconciliavit peccatores.

Mors et vita
duello conflixere mirando:
dux vitæ mortuus,
regnat vivus.

Dic nobis, Maria,
quid vidisti in via?
Sepulcrum Christi viventis:
et gloriam vidi resurgentis.
Angelicos testes,
sudarium et vestes.

Surrexit Christus spes mea:
præcedet suos in Galilæam.

Scimus Christum
surrexisse a mortuis vere:
tu nobis, victor Rex,
miserere.
Amen. Alleluia.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 1 Kor 5:7b-8a

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu mela festa fil-Mulej.
R/. Hallelujah.

Kristu kellu jqum mill-imwiet.
Ġw 20:1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek. Kristu.

Jew

EVANĠELJU
Ġesù ta’ Nazaret, li kien mislub, qam mill-imwiet.
Mk 16, 1-7

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.

U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Fil-Quddiesa ta’ filgħaxija jista’ jinqara l-Evanġelju li ġej

Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.
Lq 24:13-35

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Dakinhar stess, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara.

Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”. “X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Fir-rakkont ta’ Ġwanni, naqraw li d-difna ta’ Ġesù tagħlaq fi ġnien. Jgħidilna li f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid u li kien qrib il-post fejn kienu sallbu lil Ġesù. U proprju l-ewwel rakkont tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, skont l-istess Evanġelista, jiftaħ f’dan l-istess ġnien … quddiem l-istess qabar.

Imma issa l-qabar m’għadux ġdid, imma vojt.

Imma issa l-qabar m’għadux imbarrat bil-ġebla, imma bil-ġebla mneħħija.

Il-faxxex tal-għażel ma kinux iktar qed jaqdu dmirhom u jkebbu l-ġisem mejjet … imma kienu mpoġġija u mitwija. Anke huma kienu battala. Bħal qabar, anke huma kienu vojta.

Ġwanni ma jiqafx biss mad-deskrizzjoni tal-qabar vojt. Imur lil hinn minn hekk. Barra mill-qabar, hemm Marija ta’ Magdala. Anke hi vojta mill-ħsieb. Anke hi vojta mit-twemmin. Għax sa dakinhar kienet għadha ma fehmitx l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Tant hu hekk, illi saħansitra ħasbet li qalgħu l-Mulej mill-qabar. Ħasbet li serquh. U marret tiġri tgħid bl-aħbar lil Xmun Pietru u d-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù. 

L-Evanġelista jagħtina żewġ verbi tant sbieħ fuq dan id-dixxiplu li daħal fil-qabar wara Pietru: ra u emmen. Hu kien ġa ra lil Ġesù fuq is-salib. Hu kien ġa rah mejjet. Imma huwa proprju issa … quddiem, jew aħjar ġol-qabar vojt … li l-Evanġelista jżid dan it-tieni verb: emmen. Mhux biss ra, imma emmenEmmen għax ġarrab il-qabar vojt. Emmen li dak li kien mejjet fuq is-salib issa huwa ħaj.

Talba

Mulej, anke jien xi drabi nħossni vojt/a mill-fidi, mit-tama u mill-imħabba.

Anke jien, bħal Marija ta’ Magdala, nfittxek mejjet f’qabar issiġġillat. 

Anke jien, bħal Pietru u Ġwanni, niġri biex insibek. 

Għini sabiex f’dan iż-żmien tal-Għid nagħmel l-esperjenza ta’ Ġwanni: li nara u nemmen.  

Ħeġġeġ lil moħħi sabiex jara lilek rebbieħ fl-affarijiet ordinarji ta’ kuljum.

Ħeġġeġ lil qalbi sabiex temmen li Inti l-Mulej.

Ħeġġeġ lil ruħi sabiex iġġarrbek ġol-qabar vojt. 

Ammen.