Qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?

Ħamsa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla, int ġbart id-digrieti kollha tal-liġi mqaddsa fil-kmandament tal-imħabba tiegħek u tal-proxxmu; agħmel li aħna nħarsu l-preċetti tiegħek, biex jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Il-fehmiet tiegħi ma humiex fehmietkom.
Is 55, 6-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu fil-qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom. Oraklu tal-Mulej.
Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 144 (145), 2-3.8-9.17-18

R/. (18a): Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu

Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,
bla tarf il-kobor tiegħu. R/.

Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba,
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kull ma għamel. R/.

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

Għalija l-ħajja hi Kristu.
Fil 1, 20ċ-24.27a

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut. Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma nafx; ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija; min-naħa l-oħra, jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom. Ħaġa waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq lill-Evanġelju ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Atti 16, 14b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Mulej iftħilna qalbna
biex nifhmu l-kliem ta’ Ibnek Ġesù Kristu.
Hallelujah

Qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?
Mt 20, 1-16a

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies għax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru.

Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.

Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”.

Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Kemm l-Ewwel Qari u, iktar u iktar, b’mod narrattiv fl-Evanġelju, il-Mulej bla tidwir mal-kliem jurina biċ-ċar li l-mod tal-ħsieb uman tagħna huwa ferm ’il bogħod mill-mod ta’ ħsieb ta’ Alla: “Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom,” iħabbrilna Isaija, li jibda l-profezija tiegħu billi jgħidilna fuq l-urġenza li hemm li nfittxu lill-Mulej sakemm nistgħu nsibuh għax, filwaqt li Alla m’għandux limiti ta’ żmien u spazju, aħna għandna u allura jeħtieġ li ma naħlux ħin, li ma nħallux għall-aħħar siegħa jekk jista’ jkun. 

B’danakollu, qisu fl-Evanġelju l-istorja tieħu żvolta oħra meta naraw lil tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar. Il-biċċa hi ftit konfuża, imma bħalma t-triqat ta’ Alla u l-fehmiet tiegħu huma ferm ogħla minn tagħna daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, hekk ukoll is-Saltna tiegħu, li hija msejħa “tas-Smewwiet,” timxi b’regoli differenti u kalkoli ekonomiċi u kummerċjali differenti mis-saltniet tad-dinja. 

Allura, kif se nippruvaw nagħmlu sens minn dawn li f’għajnejna jidhru kontradizzjonijiet? Għax, ngħiduha kif inhi, filwaqt li s-Sid tassew kellu dritt jagħti lil kulħadd l-istess ħlas u lil dawk tal-ewwel siegħa ma tagħhom xejn inqas minn dak li ftiehem magħhom, lanqas nistgħu nirraġunaw li l-Mulej donnu qed jippromwovi l-għażż jew li ma jimpurtax li l-ewwel naqilbu d-dinja u mbagħad fl-aħħar nippruvaw minn kollox sabiex indaħħlu saqajna l-Ġenna. 

Ġesù jgħid din il-parabbola wara l-laqgħa maż-żagħżugħ għani li tassew kien bniedem tajjeb imma ma setax jaċċetta l-ħaġa li kien għad jonqsu biex jikseb is-Saltna tas-Smewwiet: li jbigħ kollox u jimxi warajh, jiġifieri li jieqaf ipoġġi s-sigurtà tiegħu fiċ-ċertezza minnu nnifsu u f’dak li kellu u jerħi lilu nnifsu f’idejn il-Mulej li ma kellu xejn x’joffrilu fejn tidħol stabbiltà ekonomika u protezzjoni mill-attakki tal-ħażin. 

L-appostli wkoll jitgerfxu għax, bħal dawk tal-ewwel siegħa, huma kienu ħasbu li laħqu s-Sema b’idejhom meta ħallew kollox biex jimxu wara Ġesù, imma kienu għadhom ma ħallewx l-iktar ħaġa importanti wara daharhom: kienu għadhom ma ċedewx il-loġika tal-gwadann—“Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?” (Mt 19, 27) jistaqsi Pietru—sabiex il-mod ta’ ħsieb tagħhom jogħla ’l fuq u jimmira għal mod ta’ ħsieb ta’ Alla, għal-loġika tas-Saltna tas-Smewwiet. 

U dan jagħmel ħafna iktar sens f’kultura li tippromwovi l-produttività u l-effiċjenza, hekk li teskludi jew tqis bħala piż lil min m’għadux jew qatt ma jista’ jkun produttiv, u tippreferi l-magni għax iktar effiċjenti, jistgħu jibqgħu mixgħula erbgħa u għoxrin siegħa, u m’għandhomx emozzjonijiet; ekonomija li tistenna minna li nkunu l-ħin kollu disponibbli, bil-ħanut miftuħ, hekk li ma tħalliniex nieħdu nifs u nqattgħu ħin mal-familja, ħin fil-kwiet biex nistejqru, ħin ta’ talb sabiex l-impenn Nisrani tagħna jkun tassew immotivat mill-imħabba lejn Sid il-ħsad u mhux minn xi illużjoni li Alla jista’ jkollu d-dejn magħna. Mhux ta’ b’xejn li dan kollu jikkuntrasta bil-kbir mad-dinjità li jagħti Alla lil kull wieħed u waħda minna li nieħdu sehem fil-ħidma tiegħu biex isalva d-dinja, irrispettivament mill-kwantità li biha tilludi ruħha l-kilba għall-fama u l-poter li nsibu fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna; irrispettivament jekk ikollux jibqa’ jiġri għalina sal-aħħar siegħa, għax Alla hu Sid ġeneruż li jaqbad mal-inqas tibna sabiex isalvana. 

Talba

Mulej Ġesù, din il-Kelma tiegħek toffrilna sfida biex la nintelqu u lanqas naħsbu li aħna nistgħu nsalvaw lilna nfusna. Din il-Kelma tisfidana biex nimmiraw fil-għoli u ma nikkuntentawx bl-inqas, filwaqt li titlob minna wkoll li nagħmlu wisa’ għal dawk tal-aħħar siegħa. Agħtina l-grazzja li tassew “inkissru” moħħna sabiex forsi xi darba t-toroq tagħna jagħqdu mat-toroq tiegħek u l-mod ta’ ħsieb tagħna joqrob dejjem iktar lejn il-fehma tiegħek li hija kollha mħabba għalina l-bnedmin.