Sa sebgħa u sebgħin darba

Erbgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

Ħares lejna, o Alla, li toħloq u tmexxi kollox, u agħtina li naqduk b’qalbna kollha biex inġarrbu l-qawwa tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Aħfer il-proxxmu dnubietu, u mbagħad dnubietek jinħafrulek.
Sir 27, 30 – 28, 7

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Għadab u qilla, dawn ukoll ta’ min jistmerrhom,
u l-bniedem midneb mimli bihom.

Min ifittex jitħallas b’idejh, isib ħlasu mingħand il-Mulej,
li jifli sewwa dnubietu.
Aħfer il-proxxmu dnubietu,
u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek.
Bniedem irawwem għadab għal ieħor,
u mbagħad se jfittex fejqan mingħand il-Mulej?
Minn bniedem bħalu m’għandux ħniena,
u mbagħad se jitlob għal dnubietu?
Jekk bniedem jibqa’ mgħaddab,
min se jpattilu għal dnubietu?
Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek, u ieqaf mill-mibegħda;
ftakar fit-taħsir u l-mewt,
u oqgħod għall-kmandamenti.
Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx il-proxxmu;
ftakar fil-patt tal-Għoli u agħlaq għajnejk għall-offiża.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 102 (103), 1-2.3-4.9-10.11-12

R/. (8): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem.
Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.

Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;
daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

Sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.
Rum 14, 7-9

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 13, 34

Hallelujah. R/. Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;
li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jienR/.
Hallelujah

Ma ngħidlekx taħfer sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Mt 18, 21-35

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.

Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.

Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.

Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

“Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” (Mt 18, 21). Pietru jfittex li jaqta’ linja u jagħmel il-limiti. Seba’ darbiet jidhru ħafna għax nafu li, ta’ bnedmin dgħajfa li aħna, anke li naħfru darbtejn jista’ jkun diffiċli għalina speċjalment meta nirċievu xi azzjoni ħażina li tħalli marka fuqna għal għomorna. Iżda l-Mulej Ġesù jinsisti li għandna naħfru mhux sa seba’ darbiet, “imma sa sebgħa u sebgħin darba” (v. 22), f’kelma waħda dejjem.  

Fil-karattru tas-sultan tal-parabbola, Ġesù jonqox l-immaġini ta’ Alla, għani fil-ħniena, dejjem b’idejh miftuħa, lest li jaħfrilna u jħabbibna miegħu. Min-naħa l-oħra, fil-karattru tal-qaddej, Ġesù jurina sa fejn tista’ twassal qalb iebsa. Ġesù jgħidilna li, minkejja li s-sultan ħafer id-dejn kollu tal-qaddej, dan ma riedx jaħfer lil qaddej sieħbu d-dejn li kellu miegħu li kien ferm anqas milli kellu hu mas-sultan, dejn li ma seta’ qatt iroddu lura. Il-qaddej ħażin, mhux talli ma ħafirx lil sieħbu talli “xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kulma kellu jagħtih” (v. 30). Fuq naħa għandna l-ħelsien u fuq l-oħra l-jasar. Il-maħfra tagħtina l-ħelsien biex inkomplu mexjin, u tnissel il-paċi fi qlubna, kemm meta nirċevuha, kif ukoll meta nagħtuha. Il-jasar mill-banda l-oħra nistgħu nsibu ruħna fih kemm meta nżommu f’qalbna u ma naħfrux, kif ukoll meta nitolbu maħfra u ma nirċevuhiex.  

In-nisrani huwa msejjaħ biex iħobb mingħajr kundizzjoni. Nistgħu ngħidu li l-maħfra hija rigal ta’ mħabba li wieħed jagħti b’rieda ħielsa mingħajr ma jistenna xejn lura, lanqas li l-persuna li tingħata l-maħfra se trattab qalbha jew li mhux se terġa’ tagħmel dak li hu ħażin. Il-qawwa biex naħfru tiġi meta aħna nkunu konxji mill-imħabba tal-Mulej għalina. Il-Mulej jaħfrilna d-dejn kollu kull meta nitolbuh bl-umiltà u jistenna li aħna ngħaddu din il-maħfra lill-oħrajn billi aħna wkoll naħfru lil min jonqosna. Hekk nitolbu fit-talba tal-Missierna: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Mela kif nistgħu nitolbuh jaħfrilna meta m’aħniex lesti li naħfru?  

Hemm xi persuna f’ħajtek li qed tħossha diffiċli biex taħfrilha? Itlob għaliha.  

Hemm xi persuna li ma tridx taħfirlek? Itlob għaliha.  

It-talb iressaqna lejn il-Mulej li għandu l-qawwa li jrattab il-qlub.  

Aħfer, “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (v. 22).

Talba

Twajjeb u ħanin il-Mulej,  

idum biex jagħdab u kollu tjieba.  

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;  

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.  

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,  

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,  

biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,  

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek. (Salm 145, 8, 10-12)