Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u bagħathom

Ħdax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, qawwa ta’ min jittama fik, ieqaf magħna li qegħdin insejħulek, għax aħna bnedmin dgħajfa li mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn; agħtina dejjem l-għajnuna tal-grazzja tiegħek biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek, ħalli nogħġbuk fir-rieda u l-għemil tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Tkunu għalija saltna ta’ qassisin u ġens qaddis.
Eż 19, 2-6a

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, wara li refgħu t-tined, minn Rafidim ulied Iżrael waslu fid-deżert tas-Sinaj u waqqfu t-tined fid-deżert. Iżrael waqqaf it-tined hemm, biswit il-muntanja.

Mosè tala’ ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u għarraf lil ulied Iżrael: “Rajtu intom x’għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u ressaqtkom lejja. Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna ta’ qassisin u ġens qaddis””.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 99 (100), 2.3.5

R/. (3c): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

Jekk tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm aktar insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu!
Rum 5, 6-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż.

Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla!

Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu? Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 1, 15

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Is-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u bagħathom.
Mt 9, 36 – 10, 8

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.

L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd naqraw l-ewwel biċċa tat-tieni diskors minn ħamsa li jagħtu struttura lill-Evanġelju skont San Ġwann. Dan id-diskors jitkellem fuq min hu d-dixxiplu li jintbagħat u dak li se jkollu jħabbat wiċċu miegħu waqt li jwettaq il-missjoni li għaliha ntbagħat. 

U allura, nistgħu ngħidu li dawn il‑ftit vrus ilaqqgħuna mal‑mumenti l‑iktar bikrin tal‑familja tal-Mulej fuq l-art: il‑Knisja. Għax iħares lejn l‑umanità u jaraha mifxula u mxerrda, Ġesù jibda jqiegħed is‑sisien biex bil‑mod il‑mod jibni l‑Knisja li permezz tagħha l-aħbar t-tajba tasal għand kulħadd. 

Fl-istess waqt, naraw li din l-għażla ta’ Kristu ħierġa mill-għarfien b’mod mill-iktar profond tas-sitwazzjoni ta’ iżolament li fiha kienu n-nies: “tħassarhom.” Quddiem din is-sitwazzjoni kważi ta’ qtigħ il-qalb, Ġesù jara opportunità: idur fuq id-dixxipli u jgħidilhom, “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” Kif anke jagħmel f’xi parabboli, Ġesù jiddeskrivi d‑dinja, l‑umanità, bħala ħsad kbir. Għalkemm ta’ spiss il‑ħsad huwa simbolu tal‑ġudizzju aħħari, hawn u fi bnadi oħra, il‑ħsad huwa wkoll ġudizzju li jsalva fejn hemm il‑frott.

Imma dan il-kliem ifakkarna wkoll li l‑ħsad mhuwiex tagħna imma ta’ Alla. Il-Missier hu Sid il‑ħsad, il‑bidwi li jiżbor id‑dielja (ara Ġw 15, 1-2). Għaldaqstant, Ġesù jitlob għall-ħassada għax il‑frott mhux huma jimmaturawh imma l‑Ispirtu Qaddis. 

Fl-istess waqt, minkejja li l‑ħsad huwa kbir, Ġesù jiffoka fuq “in-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael” għalissa. Huwa wara l-qawmien li mbagħad jiġu mibgħuta fid-dinja kollha. Imma biex din il-missjoni estiża għal wiċċ l-art kollha, l-ewwel trid tibda f’post konkret, f’sitwazzjoni u kultura konkreta, ma’ nies konkreti—kif wara kollox jeħtieġ li nagħmlu aħna meta bħala mgħammdin nilqgħu l-missjoni ta’ Ġesù li jibgħatna bħala messaġġiera li jagħmluh preżenti mhux kullimkien fid-dinja imma, kull wieħed u waħda minna, fil-post partikolari fejn insibu ruħna. 

Talba

Mulej, b’disponibbiltà imma wkoll b’interċessjoni, nitolbuk tħares lejn il‑ħsad kbir tiegħek u tibgħat ħaddiema għalih ħalli l‑Evanġelju jixxandar lill‑umanità kollha, u l‑poplu tiegħek ikun jista’ jibqa’ jinġabar għas‑smigħ tal‑Kelma u jissaħħaħ bis‑sagramenti, u hekk jimxi ’l quddiem fit‑triq tas‑salvazzjoni u l‑imħabba. Ammen.