intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt

Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, qawwa ta’ min jittama fik, ieqaf magħna li qegħdin insejħulek, għax aħna bnedmin dgħajfa li mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn; agħtina dejjem l-għajnuna tal-grazzja tiegħek biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek, ħalli nogħġbuk fir-rieda u l-għemil tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Il-Mulej ħeles lill-imsejken minn id il-ħżiena.
Ġer 20, 10-13

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
F’dak iż-żmien, Ġeremija qal:
Ma nismax ħlief taqsis il-kotra;
biża’ madwari kollu!
“Ixluh! Ħa nixluh!”.

Jgħajtu saħansitra ħbiebi kollha,
ifittxu l-qerda tiegħi: “Għandu mnejn jitqarraq u negħlbuh;
ta’ kollox nitħallsu minnu!”.

Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni,
għalhekk dawk li jagħmlu għalija
jogħtru, ma jagħmlu xejn,
jitħawdu bis-sħiħ, għax ħsiebhom ma jseħħx;
għajb għalihom li ma jintesa qatt.

Int, Mulej tal-eżerċti, li ġġarrab il-ġust,
li tara l-ġewwieni u l-qalb,
ħallini nara l-vendetta tiegħek kontrihom,
għax f’idejk ħallejt il-kawża tiegħi.

Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej,
għaliex ħajjet l-imsejken ħelisha minn id il-ħżiena.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 68 (69), 8-10.14.17.33-35

R/. (14ċ): Fil-kobor ta’ tjubitek weġibni, O Alla

Minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir,
u l-mistħija tiksili wiċċi.
Sirt barrani għal ħuti,
ulied ommi ma jagħrfunix.
Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,
it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi. R/.

Imma jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.
Ifaħħruh is-sema u l-art,
l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom. R/.

Id-don mhuwiex bħall-ħtija.
Rum 5, 12-15

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-RumaniĦuti, kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.

Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja: imma d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm. Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, mqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi.

Imma d-don mhuwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 15, 26b.27a

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej;
u intom ukoll tixhdu

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Tibżgħux minn dawk li joqtlu lill-ġisem.
Mt 10, 26-33

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.

Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fl-Ewwel Qari, Ġeremija jistqarr: “Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni, għalhekk dawk li jagħmlu għalija jogħtru, ma jagħmlu xejn …”

Fis-Salm 68 nitolbu lill-Mulej: “… dur lejja fil-kobor tal-ħniena tieghek … tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.”

Fit-Tieni Qari, San Pawl lir-Rumani jiktbilhom li “… il-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra.”

Fl-Evanġelju, San Mattew iwasslilna kliem Ġesù li kemm-il darba jgħidilna: “La tibżgħux mill-bnedmin … U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu lir-ruħ … mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minnn ħafna għasafar tal-bejt.”

Il-biża’ hija emozzjoni xejn pjaċevoli f’kas ta’ periklu, uġigħ, jew xi tip ta’ ħsara. Il-biża’, emozzjoni qawwija konsegwenza jew għarfien ta’ periklu.

Huwa f’mumenti ta’ biża’ li aħna nduru lejn l-Mulej għax nafu fiċ-ċert li hu s-saħħa, il-kenn u ragħaj tagħna. Huwa f’mument ta’ biża’ li fil-Mulej insib raġel qalbieni li dejjem lest li jaqbeż għalija. Huwa f’mument tal-biża’ li nfittex lil Alla u nħalli l-kobor tal-ħniena tiegħu terġa’ timlieni bil-kuraġġ. Huwa f’mument tal-biża’ li l-grazzja ta’ Ġesù Kristu tixterred bil-bosta fuqi u fuqek.

Spiss fil-ħajja tagħna nġarrbu biża’ minn bnedmin tad-demm u l-laħam bħalna. Minn ċirkustanzi fil-ħajja, fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol tagħna. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nagħtuhom setgħa fuq il-ħajja tagħna. Il-gwerer ta’ madwarna, dawk li nisimgħu bihom ta’ kuljum bħal tal-Ukrajna u r-Russja, jew dawk il-gwerer minsija li ilhom għaddejjin għal snin twal imma mhux fl-interess tal-aħbarijiet biex ixandruhom. Tgħid jagħmlu hekk mill-biża’?

Il-kelma biza’ hi miktuba għal 500 darba fil-Bibbja.

Il-frazi la tibżgħux hi miktuba għal 365 darba, jiġifieri għandna din il-frażi miktuba għal kull ġurnata tas-sena.

Fl-Evanġelju skont San Mattew, Ġesù jgħidilna  biex ma nibżgħux. Ma nibżgħux għax għandna valur f’għajnejh u fil-qalb tiegħu. Kemm persuni niltaqgħu magħhom li jistqarru li ma jarawx valur fil-ħajja tagħhom, fil-persunalità tagħhom. Kemm hawn min ibati minn stima baxxa  tiegħu nnifsu. 

Ma nibżgħux għax Alla jafna fid-dettall li Alla ħalaqna bih: “sax-xaghar ta’ raskom kollu hu maghdud.”Ma nibżgħux għax hu jiżgurana li aħna aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Pjuttost  ibeżżagħni l-fatt li hawn min qed jirsisti biex idaħħal l-abort u jkun pront jeqred dak li Alla ħoloq b’tant imħabba. Ibeżżagħni min qed jirsisti għall-ewtanasja, li jiddeċiedi hu jekk mhux b’xi liġi li tagħtih poter li qatt ma kellu jkun tiegħu li jeqred il-ħajja li tant hi sagra. Ibeżżagħni min jippromovi l-użu tas-sustanzi bħad-droga.

Imma ħaġa waħda rridu nżommu f’rasna: li l-Mulej qam mill-imwiet biex joħroġna ’l barra mill-biżgħat li semmejna aktar ’il fuq u dan għax hu Alla tal-ħajjin, ta’ dawk li jafdaw fih fil-mumenti tal-biża’ biex miegħu joħorġu rebbiħin.

Talba

La tibzax għax  jien miegħek, la tinfixilx għax jien Alla tiegħek.

Missier, kemm jien grat lejn l-imħabba immensa li għandek għalija. Int miegħi l-ħin kollu, kull xħin inkun neħtieġ il-wens li int biss tista’ tagħtini. Ammen.