Sliem għalik, mimlija bil-grazzja

8 ta’ Diċembru
Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

Kolletta

O Alla, bit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija int ħejjejt għamara xierqa għal Ibnek; kif int qist minn qabel il-merti tal-istess Ibnek biex ħarist lil Ommu minn kull tebgħa ta’ dnub, agħmel li aħna, bit-talb tagħha, naslu safja għandek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Innissel mibegħda bejn nislek u bejn nisel il-mara.
Ġen 3: 9-15.20

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.

Wara li Adam kiel mis-siġra: Il-Mulej sejjaħlu u qallu: “Fejn int?” U wieġbu: “Għax smajt ħossok fil-ġnien, u billi jien għarwien, bżajt u staħbejt”.

U qallu: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li għidtlek ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li tajtni miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt”. U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu li għamilt?” U l-mara weġbitu: “Is-serp daħak bija, u kilt”. U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt hekk, int tkun l-iżjed misħut fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi kollha. Int timxi għal żaqqek u tiekol it-trab għal ħajtek kollha.

Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha. Hu jgħaffiġlek rasek u inti tgħattanlu għarqubu”. U lil martu Adam semmieha Eva, għax kienet omm il-ħajjin kollha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 97: 1-4

R/. Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel l-għeġubijiet!

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel l-għeġubijiet.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fi tjubitu
u fil-fedeltà tiegħu għal dar Israel. R/.

Raw it-truf kollha tal-art
is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu. R/.

Alla għażilna fi Kristu sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.
Efes 1: 3-6.11-12

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.

Ħuti: Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet, fi Kristu. Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba; iddestinana li nkunu għalih ulied addottivi permezz ta’ Ġesù Kristu, skont ma għoġob lir-rieda tiegħu għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu, sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 1: 28

R/. Hallelujah.
Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja,
il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa.
R/. Hallelujah.

Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.
Lq 1: 26-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.

F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”.

Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.

Lectio Divina

Għalkemm dan il-Ħadd huwa t-Tieni Ħadd tal-Avvent, il-Knisja f’Malta u Għawdex xorta waħda tiċċelebra s-Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija proprju minħabba fid-devozzjoni partikulari li l-poplu tagħna għandu għal din il-qima lil Omm Alla. U din is-Solennità tinkwadra tant tajjeb fil-kuntest tal-istennija għall-miġja tal-Mulej ta’ Żmien l-Avvent għax fiha nfakkru kif Marija ġiet meħlusa minn kull dnub u minn kull influwenza tal-ħażin sa mill-mument tat-tnissil tagħha permezz ta’ ġenituri—Anna u Ġwakkin—li baqgħu bla wild sa fi xjuħithom, kif insibu fil-Proto-Evanġelju ta’ San Ġakbu, li huwa ġabra ta’ rakkonti marbutin mat-twelid ta’ Marija u ta’ Ġesù u li jmur lura għat-tieni seklu wara Kristu, jiġifieri mhux wisq ’il bogħod minn meta seħħew dawn il-ġrajjiet.

Minkejja li dan it-tagħlim dwar il-konċepiment ta’ Marija mingħajr it-tebgħa tad-dnub tan-nisel ġie ddikjarat bħala domma tal-fidi—jiġifieri bħala parti integrali ta’ dak li tgħallem il-Knisja u nemmnu bħala Nsara—fl-1854, madankollu jidher li din il-konvinzjoni kienet diġà preżenti fl-ewwel sekli fil-kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja u fil-liturġija. Nafu fiċ-ċert li ċ-ċelebrazzjoni tat-tnissil ta’ Marija tmur lura tal-anqas sas-seba’ seklu. Dawn l-ewwel passi wittew it-triq għall-iżvilupp tat-teoloġija f’dan ir-rigward li wassal għad-dikjarazzjoni solenni tad-domma tal-Immakulata. Dan id-don li ġie mogħti lil Marija bi grazzja speċjali huwa mogħti proprju minħabba l-missjoni tagħha li tkun Omm il-Feddej, l-Iben ta’ Alla li sar laħam ġewwa ġufha mal-“iva” tagħha, liema “iva” reġgħet lura l-“le” tal-ewwel bnedmin, kif naqraw fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi.

Imma din l-istqarrija tal-fidi hija msaħħa minn dak li nsibu fil-Kelma ta’ Alla dwarha. U hawn tidħol fix-xena t-tislima tal-Anġlu Gabrijel hekk kif mar biex iħabbrilha din il-missjoni speċjali li biha ġiet fdata, u qagħad jistenna t-tweġiba magħha. Il-kelma bil-Grieg κεχαριτωμένη—“mimlija bil-grazzja”—li juża l-Arkanġlu Gabrijel għal Marija mhijiex biss tislima ta’ ġieħ imma hija titlu teoloġiku: Marija hija l-mimlija bil-grazzja; Marija hija dik li Anġlu, li normalment huwa superjuri għall-bnedmin, isellmilha bħala dik li sabet grazzja quddiem Alla mhux għax għamlet xi ħaġa speċjali min-naħa tagħha imma proprju għax ġiet maħluqa mimlija bil-grazzja biex tkun tista’ jum wieħed tilqa’ lil Ġesù Kristu fi ħdanha; tilqa’ lill-Grazzja ta’ Alla nnifisha li tinżel bħan-nida li ssaqqi l-art sabiex minnha tinbet is-salvazzjoni.

Sa mit-tnissil tagħha hija ġiet maħluqa għal kollox libera hekk li setgħet timtela bil-grazzja għal kollox għax il-wisa’ fil-qalb tagħha huwa kollu għat-Tajjeb, għas-Sabiħ, u għall-Veru—għal Alla—hekk li, dak li fiha kien diġà milja tal-grazzja bis-saħħa tal-fidwa tas-Salib li kienet għadha trid isseħħ, xorta waħda seta’ jimtela b’Milja ikbar—Kristu—li tfur minn ħdanha fuq l-umanità kollha. Imma kollox jibda minn dan it-tnissil moħbi u mhux mistenni fil-ġuf ta’ Sant’Anna.

Dan il-jum irid ifakkarna li l-grazzji kollha li nirċievu—meta aħna wkoll insibu grazzja quddiem Alla, meta niġu mżejna b’aspett partikulari tal-qdusija u l-kobor ta’ Alla li x-xbieha tiegħi hi minquxa fil-qalba ta’ ruħna—dawn qatt mhuma biss għalina personali. Bħal fil-kas ta’ Marija—u hawn jidher il-kobor veru tagħha—dawn il-grazzji huma dejjem ukoll għall-ġid tal-oħrajn, tal-Knisja, tas-soċjetà in ġenerali li tant teħtieġ din il-grazzja ta’ Alla li ġġib magħha paċi, sliem, imħabba, rispett. U din il-grazzja tista’ tasal għand il-komunità, il-Knisja, is-soċjetà in ġenerali, biss jekk ikun hemm min ipoġġi lilu nnifsu disponibbli għal Alla bl-istess disponibbiltà sħiħa ta’ Marija li tagħmel lilha nnifisha qaddejja ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin.

Talba

Mulej Ġesù, f’din il-mixja tal-Avvent, wessa’ l-qalb tagħna sabiex fiha tkun tassew tista’ tilqa’ lilek li mkien u xejn ma jesgħek, kif twessgħet qalb Marija Ommok sa mill-bidu biex fiha, dar l-indafa, tgħammar inti, is-Sid tagħha. Ammen.