“Tħobbni?”

It-Tielet Ħadd tal-Għid

Kolletta

O Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu, biex, kif int sebbaħtna u ferraħtna mill-ġdid bil-grazzja ta’ l-adozzjoni, hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama, nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ta’ dan kollu hawn xhieda aħna u l-Ispirtu s-Santu.
Atti 5:27b-32,40b-41

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, il-qaddejja ressqu lill-appostli quddiem is-Sinedriju. U l-qassis il-kbir qalilhom: “Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U araw, issa mlejtu ’l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija ta’ demm dan il-bniedem!”.

Iżda Pietru, flimkien mal-appostli, wieġeb u qal: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin. Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Alla għollieh bil-leminija tiegħu u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh”.

Lill-appostli, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 29(30):2,4,5,6,11,12a,13b

R/.(2a): Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt ’il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajat ta’ ferħ. R/.

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi!
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi.
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.

Jistħoqqlu l-Ħaruf il-maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana.
Apok 5:11-14

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, ħarist, u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt il-leħen ta’ ħafna anġli, li l-għadd tagħhom kien għaxriet ta’ eluf, u eluf ta’ eluf, jgħidu b’leħen qawwi:
“Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul
li jirċievi l-qawwa u l-għana
u l-għerf u s-saħħa
u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir”.

U fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, u fil-baħar u l-ħlejjaq kollha li fihom, smajthom jgħidu:
“Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf,
jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma,
għal dejjem ta’ dejjem”.

L-erba’ Ħlejjaq Ħajjin bdew iwieġbu:
“Amen!”, filwaqt li x-Xjuħ inxteħtu jagħtu qima.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Kristu qam mill-imwiet, hu li ħalaq id-dinja,
u fil-ħniena tiegħu salva lill-bnedmin kollha.
R/. Hallelujah.

Ġesù qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.
Ġw 21:1-19

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”. Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.

Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu”. Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”. Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”. Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”. Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba: “Tħobbni?”, u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok”. Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”. Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio fuq l-Evanġelju tat-3 Ħadd tal-Għid b’mistoqsijiet għar-riflessjoni
Ġw 21, 1-19

Din kienet it-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli skont San Ġwann. X’jgħid Ġesù f’din is-silta? U x’qed jgħid Ġesù lilna llum?

“Għandkom x’tieklu, ħbieb?”
Ġesù jinteressah il-ġid tagħna. Jarana nitħabtu b’ħafna ħwejjeġ. U jinteressah jiltaqa’ magħna anke fil-ħin tal-passatemp tagħna jew tax-xogħol tagħna.
“Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.”
U donnu jrid jissodisfa dak li jonqosna biex jarana ferħanin. Nintebħu li Ġesù hu magħna? Nindunaw li qed jikkomunika magħna? Nindunaw kemm irid ikun parti minn ħajjitna?
“Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.”
“Ejjew, kulu.”
Iħobb juża dak li aħna mdorrijin bih, dak li jferraħna, biex isir midħla tagħna. U jien ninnota li jsejħilhom ħbieb! Lili jsejjaħli ħabib. U darba kien spjega għalfejn iqisna ħbieb u mhux qaddejja: “Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġwanni 15, 14-15). Jitmagħna! Hawn bil-ħobż u bil-ħut. Ġesù x’qed jagħtik tiekol? Il-Kelma tiegħu? Ġismu? Qiegħed tidħol f’komunjoni ma’ Ġesù? Nikkonsidra kelma bħal din, “Ejjew, kulu,” bħala stedina għall-komunjoni miegħu, biex inqattgħu ħin flimkien bejn il-ħbieb.
Imbagħad idur fuq Xmun Pietru u jagħmel djalogu ‘stramb’ miegħu. Qiegħed jagħmel dan id-djalogu miegħi u miegħek. Djalogu li min-naħa tagħna jitlob smigħ u tweġiba.
“Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”
“Irgħa l-ħrief tiegħi.”
“Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”
“Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”
“Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”
“Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”

Issa flok isem Pietru, isma’ ismek!
“TĦOBBNI?”
“Iktar minn dawn?”—iktar mid-dixxipli l-oħra? Jew iktar milli jħobbuni huma?

Jien xi nwieġeb?
U inti?
U fl-aħħar jgħidlu u jgħidlek:

“Ejja warajja.”

Talba

Mulej, agħmel li nħallik titmagħni bik innifsek, li tqarribna lejk, sabiex hekk inkun nista’ tassew nimxi warajk.