Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent

17/12/21

 

Ċelebrazzjoni fil-Familja tal-Mixegħla tax-Xemgħa tal-Avvent

Fid-dar, f’post xieraq, titħejja l-kuruna tal-Avvent: erba’ xemgħat f’forma ta’ ċirku, imżejnin b’xi weraq aħdar. Għalkemm mhux bilfors, tajjeb li dawn ix-xemgħat ikunu tlieta ta’ kulur vjola, u waħda ta’ kulur roża.

Kull nhar ta’ Sibt filgħaxija jew matul il-jum tal-Ħadd, meta l-familja tkun miġbura kollha d-dar, isir dan ir-rit li fih, kull darba tinxtgħel xemgħa, hekk li minn darba għal oħra, id-dawl jiżdied: dan ifisser li Ġesù, li hu d-Dawl, qiegħed dejjem joqrob. Il-ġenituri jistgħu jagħtu din it-tifsira sempliċi lil uliedhom, biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar dan il-mument ta’ talb.

Matul ir-rit, wieħed mill-ġenituri jmexxi t-talb. Ġenitur ieħor, jew wieħed mill-ulied, jaqraw is-silta mill-Bibbja.

Tajjeb li kull membru tal-familja jkollu l-fuljett tat-talb.

Bidu

Meta tinġabar il-familja, ilkoll jagħmlu s-sinjal tas-salib:
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. R/. Ammen.

Imbagħad wieħed mill-ġenituri jgħid:
Infaħħru lil Alla li jibgħat lill-anġli jagħtu aħbarijiet tajba,
hekk li permezz tagħhom sirna nafu bit-twelid tal-Messija.
R/. Imbierek Alla għal dejjem.

Il-ġenitur jintroduċi ċ-ċelebrazzjoni billi jgħid:
Inkomplu l-mixja tal-Avvent fil-familja tagħna.
Dalwaqt jasal il-Milied, u llum nixgħelu r-raba’ xemgħa.
Ejjew niftħu widnejna biex nisimgħu l-kant tal-anġli
li qed iħabbru l-miġja ta’ Ġesù.

Qari mill-Ktieb tal-profeta Isaija (52,8-9)

Ismagħha l-għajta!
L-għassiesa tiegħek għollew leħenhom,
lkoll flimkien jgħajtu bil-ferħ,
għax raw b’għajnejhom lill-Mulej  rieġa’ lura f’Sijon.
Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għajtu lkoll bil-ferħ,
għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu, feda lil Ġerusalemm.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Responsorju
Glorja ’l Alla fil-għoli tas-sema.
R/. U paċi fl-art lill-bnedmin li hu jħobb.

Mixgħela tar-raba’ xemgħa

Xi ħadd mit-tfal jixgħel ir-raba’ xemgħa,waqt li l-membri l-oħra tal-familja jgħidu flimkien:
Din ix-xemgħa se tixgħel fid-dar,
għax Ġesù ġej dalwaqt fuq din l-art!
Żdied id-dawl, żdied il-ferħ u s-sliem,
għax Ġesù ġej biex jagħti l-ħelsien.

Il-ġenitur, wara li tinxtgħel ix-xemgħa, jgħid:

Nitolbu.
O Alla li tista’ kollox,
agħmel li l-Iben tiegħek li sar bniedem
idawwal lill-qalb tagħna, idawwal lill-familja tagħna,
biex isaltnu fostna l-ferħ u l-paċi.
Bi Kristu Sidna.
R/. Ammen.

Il-ġenitur jagħlaq ir-rit billi jgħid:
Il-Mulej Alla jberikna u jħarisna fl-imħabba tiegħu.
R/. Ammen.

O Alla, inti taf b’liema fedeltà l-poplu tiegħek qiegħed jistenna l-festa tal-Milied; agħtina, Sawwab f’ruħna, Mulej il-grazzja tiegħek, biex aħna li, bit-tħabbira ta’ l-Anġlu, għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.