L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

26/11/21

 

Ċelebrazzjoni fil-Familja tal-Mixegħla tax-Xemgħa tal-Avvent

Fid-dar, f’post xieraq, titħejja l-kuruna tal-Avvent: erba’ xemgħat f’forma ta’ ċirku, imżejnin b’xi weraq aħdar. Għalkemm mhux bilfors, tajjeb li dawn ix-xemgħat ikunu tlieta ta’ kulur vjola, u waħda ta’ kulur roża.

Kull nhar ta’ Sibt filgħaxija jew matul il-jum tal-Ħadd, meta l-familja tkun miġbura kollha d-dar, isir dan ir-rit li fih, kull darba tinxtgħel xemgħa, hekk li minn darba għal oħra, id-dawl jiżdied: dan ifisser li Ġesù, li hu d-Dawl, qiegħed dejjem joqrob. Il-ġenituri jistgħu jagħtu din it-tifsira sempliċi lil uliedhom, biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar dan il-mument ta’ talb.

Matul ir-rit, wieħed mill-ġenituri jmexxi t-talb. Ġenitur ieħor, jew wieħed mill-ulied, jaqraw is-silta mill-Bibbja.

Tajjeb li kull membru tal-familja jkollu l-fuljett tat-talb.

Bidu
Meta tinġabar il-familja, ilkoll jagħmlu s-sinjal tas-salib:
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. R/. Ammen.

Imbagħad wieħed mill-ġenituri jgħid:
Infaħħru lil Alla li ħafna drabi ried jagħti l-ħbiberija tiegħu lill-bnedmin
u permezz tal-profeti għallimhom jistennew u jittamaw fis-salvazzjoni.
R/. Imbierek Alla għal dejjem.

Il-ġenitur jintroduċi ċ-ċelebrazzjoni billi jgħid:
Se nibdew iż-żmien tal-Avvent, anke fil-familja tagħna.
Matul dan iż-żmien il-Mulej jistedinna nħejju t-triq għal Ġesù li ġej biex jifdina.
Nixgħelu l-ewwel xemgħa li se ddawwal din il-mixja.
Din ix-xemgħa trid tfakkarna fix-xandir tal-profeti
li ħabbru bil-ferħ il-miġja ta’ Ġesù s-Salvatur,
l-Għimmanu-El, Alla magħna.

Qari mill-Ktieb tal-profeta Isaija (7,13-14)

Isimgħu, mela, dar David:
mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi?
Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess:
Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Responsorju
Il-profeti kienu ħabbruh.
R/. Is-Salvatur se jitwieled mill-Verġni Marija.

Mixgħela tal-ewwel xemgħa
Xi ħadd mit-tfal jixgħel l-ewwel xemgħa,
waqt li l-membri l-oħra tal-familja jgħidu flimkien:
Din ix-xemgħa se tixgħel fid-dar,
għax Ġesù ġej dalwaqt fuq din l-art!
Il-profeti ħabbruh ilu żmien,
huwa ġej biex jagħtina l-ħelsien!

Il-ġenitur, wara li tinxtgħel ix-xemgħa, jgħid:
Nitolbu.
O Mulej, li bgħatt lill-profeti
biex iħabbru l-miġja ta’ Kristu Ibnek,
dawwal fuqna d-dija tiegħek,
sabiex, imdawlin mill-Kelma tiegħek,
nimxu lejk b’qalb ġeneruża u fidila.
Bi Kristu Sidna.

R/. Ammen.

Il-ġenitur jagħlaq ir-rit billi jgħid:
Il-Mulej Alla jberikna u jħarisna fl-imħabba tiegħu.
R/. Ammen.

O Alla li tista’ kollox, qanqal fil-fidili tiegħek ir-rieda li, bis-saħħa ta’ għemejjel tajba, joħorġu jiltaqgħu ma’ Kristu Ibnek li ġej, biex jissieħbu miegħu fil-leminija tiegħu u jistħoqqilhom jiksbu s-saltna tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.