agħmlulu festi ta’ ferħ, u agħtuh glorja

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tlieta 5 ta’ Diċembru 2023.

Kantiku (Tob 13:2-8)

Alla jikkastiga u jsalva
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu tana twelid ġdid. (1 Piet 1:3) 

Mulej, int kbir minn dejjem, *
u għal dejjem ta’ dejjem saltnatek.
Int issawwat u int issalva, †
tniżżel fl-imwiet u terġa ttella’, *
u ħadd minn taħt idejk ma jista’ jaħrab. 

Sebbħu l-Mulej, ulied Iżrael; *
faħħruh quddiem il-ġnus.
Hu xerridkom fost il-ġnus, li ma jagħrfuhx, *
u intom għidulhom bl-għeġubijiet tiegħu;
għarrfuhom li hu Alla li jista’ kollox, *
u ma hemmx alla ieħor ħliefu. 

Hu sawwatna minħabba ħtijietna, *
imma jsalvana għall-ħniena tiegħu.
Araw kulma għamel magħna, *
u bil-biża’ u t-tregħid roddulu ħajr.
F’dak kollu li intom tagħmlu, *
għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem. 

Jiena nfaħħru f’art il-jasar tiegħi, *
għax wera l-kobor tiegħu quddiem ġens midneb.
Duru, midinbin, lejn Alla, *
u agħmlu s-sewwa quddiemu;
emmnu fih li jista’ jħenn għalikom; *
jiena nnifsi fih insib il-hena tiegħi. 

Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; *
agħmlulu festi ta’ ferħ, u agħtuh glorja. 

Glorja.

Ant. 2: F’dak kollu li intom tagħmlu, għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem.

Ant. 3: In-nies sewwa jixirqilhom ifaħħru lill-Mulej.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/