agħtini widen, nitolbok bil-ħniena

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum il-Ħamis 3 ta’ Mejju 2023.

Salm 142 (143):1-11

Talba fid-dwejjaq
Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu. (Gal 2:16) 

Mulej, isma’ t-talba tiegħi, †
agħtini widen, nitolbok bil-ħniena; *
weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.
Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *
għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek. 

Għax l-għadu għamel għalija, *
mal-art tefagħni taħt riġlejh;
fid-dlam xeħetni ngħammar, *
bħal min imut għal dejjem,
ruħi tinfena minn ġewwa, *
qalbi titniehed ġewwa fija.
Niftakar fi żmien l-imgħoddi, †
naħseb f’kulma int għamilt, *
għemil idejk dejjem fi ħsiebi.
Lejk immidd idejja, *
ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek. 

Fittex weġibni Mulej! *
Ruħi tinsab bla saħħa.
La taħbix wiċċek minni, *
li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.
Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *
għax fik jien nittama.
Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *
għax lejk jien nerfa’ ruħi. 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *
għax inti l-kenn tiegħi.
Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,
għax int Alla tiegħi. *
L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja. 

F’ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *
oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek. 

Glorja.

Ant. 1: F’ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, hallelujah.

Ant. 2: Għad nerġa’ narakom, u qalbkom tifraħ, hallelujah.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/