Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

 

L-uffiċċju tal-qari, illum il-Ġimgħa 7 ta’ April 2023.

Salm 21 (22)

Alla jisma’ t-talb tal-ġust imnikket 

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? †
Bqajt ’il bogħod u ma salvajtnix, *
ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!
Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, *
ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ. 

Imma int tgħammar fis-santwarju, *
u lilek ifaħħar Iżrael!
Fik ittamaw missirijietna, *
fik ittamaw, u inti ħlisthom.
Lejk għajtu, u inti ħlisthom; *
fik ittamaw, u ma tfixklux. 

Jien dudu tal-art, u mhux bniedem, *
żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu.
Dawk kollha li jarawni jidħku bija, *
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! *
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!”
Imma int minn ġuf ommi lqajtni; *
fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.
Fuqek qegħduni sa minn twelidi; *
int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.
La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit, *
u m’hawn ħadd biex jgħinni. 

Qabda gniedes daru miegħi; *
barrin qawwija ta’ Basan għalquni,
b’ħalqhom miftuħ għal fuqi, *
bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.
Ninsab bħall-ilma msawwab, *
għandi għadmi maqlugħ kollu;
qalbi hi bħal xemgħa, *
iddub ġewwa fija.
Ħalqi niexef bħal xaqqufa, †
lsieni mwaħħal ma’ ħnieki; *
ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt. 

Qabda klieb daru għalija, *
ġemgha nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli jdejja u riġlejja, *
nista’ ngħodd għadmi kollu.
B’għajnejhom fuqi jħarsu lejja. †
Ħwejġi jaqsmu bejniethom;
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi. 

Mulej la titbegħidx minni; *
qawwa tiegħi, fittex għinni!
Eħlisli mis-sejf lil ħajti, *
u mill-klieb lill-ħajti l-għażiża.
Minn ħalq l-iljun salvani, *
minn qarn il-gniedes lili msejken.
Inxandar ismek lil ħuti, *
nfaħħrek f’nofs il-ġemgħa. 

Din l-aħħar parti tas-salmi tista’ ma tingħadx 

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu; †
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb; *
Ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael!
Għax ma warrabx minnu l-imsejken, *
ma stmellx in-niket tiegħu;
anqas wiċċu ma ħeba minnu, *
imma semgħu meta sejjaħlu. 

Għalhekk inti t-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira; *
rrodd il-wegħdiet tiegħi
quddiem dawk li jibżgħu minnu.
Jieklu l-fqajrin u jixbgħu; †
ifaħħru ’l Mulej dawk li jfittxuh. *
Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!
Jiftakru t-truf kollha tal-art, †
u jerġgħu lura lejn il-Mulej; *
u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus. 

Għax tal-Mulej hi s-saltna; *
hu fuq il-ġnus isaltan.
Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu; *
quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.
U għalih tgħix ruħi, *
lilu jaqdi n-nisel tiegħi.
Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi, †
ixandru l-ġustizzja tiegħu
lill-poplu li għad jitwieled: *
“Dan għamlu l-Mulej!” 

Glorja.

Ant. 2: Ħwejġi jaqsmu bejniethom; jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

Ant. 3: Jaħqruni dawk li jfittxuli ħajti.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/