Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin

 

Talb ta’ nofs il-jum, it-Tnejn 9 ta’ Settembru 2024
Salm 70 (71)

(I)

Il-Mulej il-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti
Kunu ferħanin fit-tama tagħkom, kollkom sabar fl-hemm (Rum 12:12) 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; *
agħtini widen u fittex eħlisni. 

Kun sur ta’ kenn għalija; †
int wegħedt li tiġi dejjem issalvani, *
għax blata u fortizza int għalija.
Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin, *
minn id il-qarrieq u l-kiefer. 

Għax int, Sidi, it-tama tiegħi; *
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek serraħt sa minn twelidi, †
sa minn ġuf ommi inti ħadtni; *
inti dejjem it-tifħir tiegħi.
Ħafna huma li stagħġbu bija, *
iżda inti l-kenn qawwi tiegħi. 

Mimli fommi b’tifħirek, *
u b’sebħek il-jum kollu.
Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; *
titlaqnix meta tħallini saħħti. 

Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi; *
dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu.
“Alla nsieh!”, huma jgħidu. *
“Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu.” 

O Alla, toqgħodx ’il bogħod minni; *
Alla tiegħi, fittex għinni.
Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni; *
jimtela biż-żebliħ u l-għajb min iridli d-deni. 

Glorja.

Ant. 2: Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Ant. 3: Imqar meta nixjieħ, la tinsinix, o Alla.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar