“Fejn hu Alla tiegħek?”

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tnejn 13 ta’ Frar 2023.

Salm 41 (42)

Ix-Xewqa għall-Mulej u għat-tempju
Min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-ħajja. (Apok 22:17) 

Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat tal-ilma, *
hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi.
Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; *
meta niġi u nara wiċċ Alla?
Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, *
meta l-jum kollu kienu jgħiduli:
“Fejn hu Alla tiegħek?”
Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, *
kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ
sad-dar ta’ Alla,
fost l-għajat ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr, *
qalb folla ferħana. 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *
u titħawwad ġewwa fija?
Ittama f’Alla, għax jien nibqa’ nfaħħru; *
hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi! 

Tintelaq ruħi ġo fija; †
għalhekk fik niftakar *
minn art il-Ġordan u mill-Ħermon
u mill-muntanja ta’ Misgħar.
Minn irdum għal irdum jidwu *
il-ħsejjes qawwija tal-ilmijiet tiegħek;
il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek *
għaddew minn fuqi. 

Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; *
jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.
Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: “Għaliex tlaqtni? *
Għax għandi ngħix imdejjaq
taħt it-tagħkis tal-għadu?”
Kull meta jgħajruni l-għedewwa tiegħi, †
qishom qed ikissruli għadmi; *
meta jgħiduli l-ħin kollu:
“Fejn hu Alla tiegħek?” 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *
u titħawwad ġewwa fija?
Ittama f’Alla, għax jien nibqa’ nfaħħru; *
hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi! 

Glorja.

Ant. 1: Meta niġi u nara wiċċ Alla?

Ant. 2: Alla tal-ħlejjaq kollha, ħares lejna u ħenn għalina.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/