f’ġieħ ismek mexxini u wennisni

 

L-uffiċċju tal-qari, illum it-Tnejn 6 ta’ Marzu 2023.

Salm 30 (31)

(I)
Talb umli ta’ tama fin-niket
Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46) 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *
agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun blata tal-kenn għalija, *
fortizza qawwija ta’ salvazzjoni. 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *
f’ġieħ ismek mexxini u wennisni.
Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija *
għax inti l-qawwa tiegħi. 

F’idejk jien nerħi ruħi; *
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.
Int tobgħod ’il min iqim allat fiergħa; *
imma jien fil-Mulej nittama. 

Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek, †
int, li rajt l-hemm tiegħi, *
li għaraft id-dieqa ta’ qalbi.
Ma tlaqtnix f’idejn l-għedewwa, *
imma qegħedtli fil-wisa’ riġlejja. 

Glorja.

Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.

Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/