
fid-dawl tiegħek naraw id-dawl
Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 10 ta’ Mejju 2023.
Salm 35 (36)
Il-ħażen tal-midneb, it-tjieba tal-Mulej
Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda għandu d-dawl tal-ħajja. (Ġw 8:12)
Il-ħażen ifesfes lill-ħażin f’qiegħ qalbu; *
m’hemmx biża’ ta’ Alla quddiem għajnejh.
Għax hu jiddandan bil-fehma tiegħu, *
li Alla ma jsibx fih ħtija x’jistmell.
Kliem fommu kollu qerq u gideb, *
ma jimxix bil-għaqal, ma jagħmilx il-ġid.
Fuq friexu jaħseb kif se jqarraq, *
triq ħażina qabad, ma jwarrabx dak li hu ħażin.
Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek, *
sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
M’ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, *
baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek.
Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla! †
Għad-dell ta’ ġwenħajk
jistkennu wlied il-bnedmin. *
bnedmin u bhejjem int tgħinhom, Mulej!
Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek, *
tisqihom ix-xmara tal-hena tiegħek.
Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, *
fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.
Żomm it-tjieba tiegħek ma’ min jagħrfek, *
il-ġustizzja tiegħek ma’ min hu qalbu safja.
Ma jersaqx għal fuqi riġel kburi, *
ma titfagħnix ’il barra id il-ħażin.
Hemm waqgħu dawk li jagħmlu l-ħażen, *
intefgħu għal isfel u ma jistgħux iqumu.
Glorja.
Ant. 1: Mulej għandek hemm l-għajn tal-ħajja, hallelujah.
Ant. 2: Mulej, int bgħatt l-Ispirtu tiegħek, u hu għamel il-ħlejjaq, hallelujah.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/