Fih jinsab l-hena ta’ qalbna

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, it-Tlieta 4 ta’ Ġunju 2024
Salm 32 (33)

Tifħir lill-Mulej għall-providenza tiegħu
Kollox sar bih. (Ġw 1:3) 

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; *
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra; *
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.
Għannulu għanja ġdida; *
għajtu bil-ferħ, doqqulu bis-sengħa. 

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej, *
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa; *
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.
Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, *
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Bħal f’ġarra l-ilmijiet ġabar, *
u l-ibħra l-kbar fi mħażen. 

Ħa tibża’ mill-Mulej l-art kollha; *
jitbeżża’ minnu kull min jgħammar fid-dinja.
Għax hu tkellem, u hi saret; *
hu ordna, u hi twaqqfet.
Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus, *
ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.
Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem, *
minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu. 

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu, *
il-poplu li hu għażel b’wirtu.
Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej, *
u jara l-bnedmin kollha;
mill-post fejn jgħammar jistħarreġ *
fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.
Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed, *
u jagħraf għemilhom kollu. 

Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu tiegħu kollu, *
anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu.
Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa, *
b’saħħtu kollha ’l ħadd ma jeħles.
Araw, għajnejn il-Mulej
fuq dawk li jibżgħu minnu, *
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom, *
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej, *
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Fih jinsab l-hena ta’ qalbna, *
fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, *
kif fik hi t-tama tagħna. 

Glorja.

Ant. 3: In-nies sewwa jixirqilhom ifaħħru lill-Mulej.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar