għax il-għaxqa tal-Mulej fik

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 22 ta’ Marzu 2023.

Kantiku (Iż 61:10-62:5)

Il-profeta jifraħ b’Ġerusalemm il-ġdida
Il-Belt qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha … mħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha. (Apok 21:2) 

Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej, *
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, *
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarus imżejjen b’kuruna, *
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha. 

Bħalma l-art tnibbet l-inbiet, *
bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja *
u t-tifħir, quddiem kollha kemm huma l-ġnus. 

Minħabba f’Sijon ma nehdiex, *
minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx.
Bħal dija għad tfeġġ il-ġustizzja tagħha, *
bħal torċa għad taqbad is-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus, *
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
B’isem ġdid għad isejħulek, *
isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej, *
u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek. 

Ma jgħidulekx aktar “il-mitluqa,” *
anqas lil artek ma jsejħulha aktar “l-imħarbta”.
Lilek għad isejħulek “għaxqti fiha”, *
u lil artek għad isejħulha “għarusa”;
għax il-għaxqa tal-Mulej fik; *
u artek għad titgħarras. 

Bħalma għarus jitgħarras xebba, *
hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu, *
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek. 

Glorja.

Ant. 2: Il-Mulej libbisni bi lbies is-salvazzjoni u l-ġustizzja.

Ant. 3: Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/