għax int, Mulej, ma titlaqx ’il min ifittxek

 

L-uffiċċju tal-qari, it-Tnejn 13 ta’ Jannar 2025

Salm 9A (9)

(I)
Radd ta’ ħajr wara r-rebħa
Għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. 
Infaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha; *
inxandar għeġubijietek kollha!
Nifraħ u nithenna bik; *
ngħanni lil ismek, int Alla l-Għoli. 

Xħin jiġu lura l-għedewwa tiegħi, *
jitfixklu u jgħibu quddiemek.
Għax int ħadt f’idejk id-dritt u l-kawża tiegħi, *
ta’ mħallef ġust qgħadt fuq it-tron tiegħek. 

Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena; *
ħassart isimhom għal dejjem ta’ dejjem.
Intemmu l-għedewwa mħarbtin għal dejjem; †
bliethom qridtilhom *
u tifkirithom intilfet magħhom. 

Imma l-Mulej isaltan għal dejjem; *
iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja; *
jiġġudika l-popli bis-sewwa. 

Ikun il-Mulej kenn għal min hu mgħakkes, *
kenn għalih fi żmien id-dwejjaq.
Fik jittama min jagħraf lil ismek, *
għax int, Mulej, ma titlaqx ’il min ifittxek. 

Glorja.

Ant. 2: Il-Mulej sar kenn għall-imsejken fid-dwejjaq tiegħu.

Ant. 3: Inxandar tifħirek kollu f’bibien il-belt ta’ Sijon.