għax int timxi tajjeb miegħi

 

L-għasar, is-Sibt 5 ta’ April 2025

Salm 141 (142)

Inti l-kenn tiegħi, Mulej
Dan kollu seħħ fil-Mulej waqt il-passjoni. (San Ilarju) 

B’leħen qawwi lill-Mulej insejjaħ, *
b’leħen qawwi lill-Mulej nitlob.
Inressaq quddiemu t-tnehid tiegħi, *
id-dwejjaq tiegħi quddiemu nqiegħed. 

Xħin ruħi ġo fija tinfena, *
int tkun taf minn xiex għaddej.
Fit-triq li fiha nimxi, *
huma ħbew nassa għalija.
Inħares fuq il-lemin, *
u nara li m’hemm ħadd min jagħti kasi;
m’hemmx mnejn nista’ naħrab, *
m’hemm ħadd min jieħu ħsiebi. 

Lilek, Mulej, insejjaħ; †
ngħidlek: “Inti l-kenn tiegħi, *
inti sehmi f’art il-ħajjin.
Agħti widen għall-għajta tiegħi, *
għax ninsab mitluq għall-aħħar.
Eħlisni minn dawk li daru għalija, *
għax huma aqwa minni. 

Mill-ħabs oħroġni, *
biex inrodd ħajr lil ismek.
Madwari jduru l-ġusti, *
għax int timxi tajjeb miegħi.”

Glorja.

Ant. 2: Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù, Sidi.

Ant. 3: Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza.