Ħarisni, o Alla

 


L-uffiċċju tal-qari, illum is-Sibt 16 ta’ April
 2022.

Salm 15 (16)

Il-Mulej is-sehem tal-wirt tiegħi
Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24) 

Ħarisni, o Alla, *
għax fik jien nistkenn. 

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi; *
m’għandix ġid ieħor ħliefek.”
It-twajbin huma l-kbar f’din l-art; *
fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi. 

L-hemm tagħhom ikattru *
dawk li jaħtru allat oħra.
Ma nsawwabx bħalhom id-demm b’sagrifiċċju, *
anqas isimhom ma nsemmi b’xufftejja. 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi, *
inti żżomm f’idejk xortija.
Il-kejl tani art li tgħaxxaq, *
messni sehem tassew għal qalbi.
Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *
mqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet. 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. 

Glorja.

Ant. 2: Fil-kwiet immur nistrieħ.

Ant. 3: Infetħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/