Henjin dawk li jgħammru f’darek

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tnejn 21 ta’ Frar 2022.

Salm 83 (84)

Ix-xewqa għat-tempju tal-Mulej
Hawnhekk ma għandniex belt li tibqa’ għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li tibqa’ għal dejjem. (Lhud 13:14) 

Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, *
Mulej tal-eżerċti!
Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; *
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.
Sa l-għasfur isib fejn jgħammar, *
u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek;
hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha, *
Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!
Henjin dawk li jgħammru f’darek; *
huma jfaħħruk għal dejjem. 

Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom, *
li għandhom għal qalbhom
il-pellegrinaġġ għat-tempju.
Huma u għaddejja minn wied niexef, †
ibiddluh f’nixxiegħa ta’ ilma; *
u x-xita bikrija tbiddlu f’għadajjar.
Jimxu minn belt għal belt, *
sa ma jidhru quddiem Alla f’Sijon. 

Mulej, Alla tal-eżerċti, isma’ t-talb tiegħi; *
agħti widen, Alla ta’ Ġakobb.
Ħares, o Alla, tarka tagħna, *
ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek.
Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek *
aħjar minn elf jum f’post ieħor;
aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi *
milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena. 

Għax xemx u tarka l-Mulej Alla, *
ħniena u ġieħ hu jagħti lilna.
Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej *
lil min jimxi bis-sewwa.
Mulej tal-eżerċti, *
hieni l-bniedem li jittama fik! 

Glorja.

Ant. 1: Hieni min jgħammar fit-tempju tiegħek, Mulej.

Ant. 2: Ejjew nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/