Hienja dawk kollha li jistkennu fih!

 


L-uffiċċju tal-qari, illum l-Erbgħa 28 ta’ Diċembru 2022.

Salm 2

Il-Messija sultan rebbieħ
Huma nġemgħu tabilħaqq kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li int ikkonsagrajt. (Atti 4:27) 

Għaliex jixxewxu l-ġnus, *
u l-popli jreddnu għalxejn?
Is-slaten tal-art iqumu, †
u l-kbarat jiftiehmu bejniethom *
kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:
“Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, *
u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom!” 

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, *
il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.
Imbagħad ikellimhom bil-herra, *
bil-qilla tiegħu jkexkixhom:
“Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, *
fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!” 

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej; *
hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek.
Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek, *
u truf l-art bi priża tiegħek.
B’virga tal-ħadid int tkissirhom, *
bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom.” 

U issa, slaten, ifhmu sewwa, *
twiddbu, intom li taħkmu l-art.
Aqdu lill-Mulej bil-biża’, *
u bir-rogħda riġlejh busu,
li ma jagħdabx u intom tinqerdu, *
għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.
Hienja dawk kollha *
li jistkennu fih! 

Glorja.

Ant. 1: It-tfal iż-żgħar tiegħek qabżu bil-ferħ qishom ħrief u faħħru l-kobor tiegħek, Mulej għax int ħlisthom.

Ant. 2: Dawn kienu mifdijin minn fost il-bnedmin, l-ewwel frott għal Alla u għall-Ħaruf: huma bla tebgħa quddiem it-tron ta’ Alla.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/