Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust

 

L-uffiċċju tal-qari, illum it-Tnejn 3 ta’ Lulju 2023.

Salm 96 (97)

Il-Mulej igglorifikat fil-ħaqq li jagħmel
Dan is-salm għandna nifmuh għas-Salvatur tad-dinja u għall-fidi tal-ġnus kollha fih. (S. Atanasju) 

Il-Mulej isaltan! †
Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, *
u jifirħu l-ħafna gżejjer!
Sħab u dlam hemm madwaru; *
is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.
In-nar jimxi quddiemu, *
u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.
Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; *
tara dan l-art u titriegħed.
Bħax-xama’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej, *
quddiem is-Sid tal-art kollha. 
Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu; *
jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu. 

Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli, †
li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom; *
u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.
Tisma’ dan u tifraħ Sijon, †
jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta’ Ġuda, *
minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.
Għax int, Mulej, inti l-Għoli, †
’il fuq mill-art kollha, *
ogħla ħafna mill-allat. 

Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen, †
iħares il-ħajja ta’ ħbiebu, *
jeħlishom minn idejn il-ħżiena.
Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust, *
u l-hena għal qalb in-nies sewwa.
Ifirħu, ġusti, fil-Mulej, *
u faħħru l-isem qaddis tiegħu. 

Glorja.

Ant. 3: Ixandru l-ġustizzja tiegħu, jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/