iħarsuni għal dejjem!

 

Talb ta’ matul il-jum, illum it-Tnejn 10 ta’ Jannar 2022.

Salm 39 (40)

(II) 

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira; †
xufftejja ma żammejthomx magħluqa, *
Mulej, dan inti tafu.
Ma ħbejtx f’qalbi l-ġustizzja tiegħek; *
il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;
ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek *
lill-ġemgħa kbira. 

Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek; *
it-tjieba u l-fedeltà tiegħek
iħarsuni għal dejjem!
Għax għalquni minn kull naħa
ħsarat li ma jingħaddux; *
ħakmuni ħtijieti u ma’ nistax nara;
huma aktar mix-xagħar ta’ rasi; *
għandi qalbi maqtugħa. 

Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni; *
Mulej, fittex għinni.
Jithennew u jifirħu bik *
dawk kollha li jfittxuk;
jgħidu dejjem: “Kbir il-Mulej!” *
dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.
Imma jien, fqajjar u msejken, *
għandi ’l Sidi jaħseb fija.
Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi; *
iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!

 Glorja.

Ant. 3: Jien, fqajjar u msejken, għandi ’l Sidi jaħseb fija.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/