Il-Ħames Ħadd il-Għid

 

Salm 21(22):26b-27,28,30,31-32

R/. 26 (a): Mulej, nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira.

Irrodd il-wegħdiet tiegħi
quddiem dawk li jibżgħu minnu.
Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;
ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.
Ħa tgħix qalbhom għal dejjem! R/.

Jiftakru t-truf kollha tal-art,
u jerġgħu lura lejn il-Mulej;
u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.
Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;
quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.
U għalih tgħix ruħi. R/.

Lilu jaqdi n-nisel tiegħi.
Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,
ixandru l-ġustizzja tiegħu
lill-poplu li għad jitwieled:
“Dan għamlu l-Mulej!”. R/.