Imbagħad jiżfnu x-xbejbiet bil-ferħ

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum il-Hamis 10 ta’ Marzu 2022.

Kantiku (Ġer 31:10-140)

Il-hena tal-poplu meħlus
Ġesù kellu jmut … biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerda. (Ġw 11:5,52) 

Isimgħu, ġnus, il-kelma tal-Mulej, *
xandruha ’l bogħod fil-gżejjer;
għidu: “Dak li xerred lil Iżrael jiġbru *
u jħarsu, kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.” 

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb, *
ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.
Għad jiġu u jgħannu fuq il-għolja ta’ Sijon, *
u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej,
minħabba l-qamħ u l-inbid ġdid u ż-żejt, *
u l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar;
u huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb, *
ma jkunux iżjed mifnija. 

“Imbagħad jiżfnu x-xbejbiet bil-ferħ, *
jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ;
u jiena nbiddel il-viżtu tagħhom f’hena, *
infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom;
il-qassisin tagħhom nimliehom bl-abbundanza, *
u l-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu. 

Glorja.

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Il-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu.

Ant. 3: Il-Mulej hu kbir, u jistħoqqlu t-tifħir f’Sijon.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/