imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum is-Sibt 4 ta’ Frar 2023.

Salm 91 (92)

Tifħir lill-Awtur u s-Sid tal-Ħolqien
Tifħir lill-Iben il-waħdieni ta’ Alla għal kulma għamel. (S.Atanasju) 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *
u billejl il-fedeltà tiegħek,
fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *
u bid-daqq taċ-ċetra.
Għax inti, Mulej, ferraħtni b’għemilek; *
għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ. 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *
kemm huma għolja ħsibijietek!
Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *
u l-iblah ma jifhimhomx.
Imqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *
u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,
ilkoll għad jinqerdu għal dejjem; *
imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli. 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, †
l-għedewwa tiegħek jintilfu; *
jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.
Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *
żejt ifuħ sawwabtli fuqi.
Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *
widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija. 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *
bħal ċedru tal-Libanu jikber.Imħawlin f’dar il-Mulej, *
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, il-blata tiegħi, *
u ebda qerq ma jinsab fih. 

Glorja.

Ant. 1: Tajjeb li ngħannu lil ismek, Mulej, u nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Nagħtikom qalb ġdida u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/