Inroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni

 

L-għasar, l-Erbgħa 5 ta’ Marzu 2025

Salm 138 (139)

(II) 

Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, *
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Inroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni; †
tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. *
U ’l ruħi inti tafha tajjeb. 

Ma kienx moħbi għadmi minnek, †
meta kont qiegħed insir fis-satra *
u nintiseġ fil-qigħan tal-art.
Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi; *
kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek;
u jiemi kienu ġa magħduda *
meta ebda wieħed ma kien għad hemm. 

Kemm huma tqal ħsibijietek għalija, o Alla! *
Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom!
Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-ramel; *
xħin nasal fl-aħħar, inkun għadni fil-bidu miegħek. 

Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi; *
iflini, u kun af ħsibijieti.
Ara iniex miexi fi triq ħażina, *
u mexxini fit-triq ta’ dejjem. 

Glorja.

Ant. 2: Jiena hu l-Mulej, li nifli l-moħħ u ngħarbel il-qlub, biex nagħti ’l kull wieħed skont l-imġiba tiegħu.

Ant. 3: Kollox bih kien maħluq, kollox bih qiegħed iżomm.