Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla

 

L-uffiċċju tal-qari, illum it-Tlieta 26 ta’ Diċembru 2023.

Salm 16 (17)

Salvani mill-ħżiena, Mulej
Meta kien jgħix fuq din l-art … offra talb … u ġie mismugħ. (Lhud 5:7) 

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi, *
ilqa’ l-għajta tiegħi,
agħti widen għat-talb tiegħi; *
bla qerq huma xufftejja.
Mingħandek toħroġ il-ġustizza għalija, *
għajnejk jaraw is-sewwa. 

Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni, *
jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.
Ma żbaljajtx bi kliemi, kif jagħmlu n-nies; *
ħarist ruħi bi kliemek minn triqat il-ħżiena.
Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek, *
qatt ma għotru riġlejja. 

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla; *
ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.
Uri t-tjieba tiegħek tal-għaġeb; *
int li teħles mill-għedewwa
lil min jittama fil-leminija tiegħek.
Bħal ħabba tal-għajn ħarisni, *
għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni
mill-ħżiena li jagħfsu fuqi, *
mill-għedewwa qattiela li jdawruni. 

Għalqu qalbhom għall-ħniena, *
minn fommhom joħroġ kliem kburi.
Jiġu għal fuqi, minn kull naħa għalquni, *
ħarsithom fuqi, biex mal-art jitfgħuni.
Huma bħal iljun imxennaq għall-priża, *
bħal ferħ ta’ ljun moħbi wara l-mansab. 

Qum, Mulej, oħroġ għall-għadu u ġarrfu; *
eħlisli ħajti minn id il-ħażin.
B’sejfek, Mulej, b’idek mill-bnedmin eħlisni, *
mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom.
Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek, †
ħa jieklu sax-xaba’ wliedhom, *
u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom.
Imma jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek; *
meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek. Glorja.

Ant. 3: Ma setgħux jiqfulu minħabba l-għerf u l-ispirtu li bihom kien jitkellem.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/