Int, Mulej, tieħu ħsiebna

 

L-uffiċċju tal-qari, illum it-Tlieta 24 ta’ Ottubru 2023.

Salm 11 (12)

Sejħa lil Alla kontra l-imkabbrin
Alla, għoġbu jibgħat lil Ibnu ghalina l-foqra. (S. Wistin) 

Għajnuna, Mulej, għax m’hawnx aktar twajbin; *
għebu s-sinċiera minn fost il-bnedmin.
Wieħed lill-ieħor bil-gideb ikellem; *
b’xofftejn qarrieqa, b’żewġt iqlub jitkellmu. 

Jaqta’ l-Mulej ix-xofftejn qarrieqa, *
kull ilsien li jitkellem bil-kburija,
dawk li jgħidu: “Saħħitna fi lsienna, *
kliem xufftejna magħna; min hu sidna?” 

“Minħabba t-tgħakkis tal-fqajrin *
u l-krib tal-imsejknin,
jien issa se nqum,” jgħid il-Mulej; *
“inqum biex neħilsu, kif jixtieq hu.”
Kliem il-Mulej kliem safi, *
fidda mgħoddija min-nar,
seba’ darbiet imsoffija mit-trab. 

Int, Mulej, tieħu ħsiebna, *
tħarisna minn dan in-nisel għal dejjem.
Għax il-ħżiena ma’ kullimkien juru ruħhom, *
iżjed ma titqawwa d-dnewwa fost il-bnedmin. 

Glorja.

Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/