Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem

 

L-uffiċċju tal-qari, illum l-Erbgħa 31 ta’ Mejju 2023.

Salm 23 (24)

Dħul il-Mulej fit-tempju tiegħu
Il-bibien tas-smewwiet infetħu għal Kristu fit-tlugħ tiegħu fis-sema bħala bniedem. (S. Irinew) 

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha, *
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. 

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej, *
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja, †
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa *
u anqas ma jaħlef bil-qerq.
Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, *
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh, *
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej setgħan u qawwi,
il-Mulej qawwi fit-taqbida. 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, *
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *
Hu l-Mulej tal-eżerċti: dan hu s-Sultan tal-glorja! 

Glorja.

Ant. 1: Marija kellha barka mingħand il-Mulej, u Alla, is-Salvatur tagħha, xerred fuqha t-tjieba tiegħu.

Ant. 2: Alla l-Għoli qaddes l-għamara tiegħu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/