inxandar ismek quddiem ħbiebek

 

L-Uffiċċju tal-qari, illum l-Erbgħa 28 ta’ Settembru 2022.
Salm 51 (52)

Kontra l-kliem ta’ ħsara
Min jiftaħar, ħa jiftaħar bil-Mulej. (1Kor 1:32) 

Xi trid tiftaħar, bniedem b’saħħtek, *
bi ħżunitek kontra t-twajjeb?
Dejjem ħsiebek kif tagħmel id-deni, *
ilsienek bħal xafra taqta’, ja qarrieq!
Tħobb il-ħażen aktar mit-tajjeb, *
u l-gideb aktar mis-sewwa.
Tħobb kull xorta ta’ kliem ta’ ħsara, *
ilsien qarrieq! 

Imma Alla jxejnek għal dejjem, †
jaħtfek u jaqilgħek ’il barra minn għamartek, *
jeqirdek minn art il-ħajjin.
Il-ġusti mbagħad iħarsu miblugħa, *
u jidħku bih u jgħidu:“Araw il-bniedem
li m’għamilx ’l Alla fortizza tiegħu, *
imma ttama fl-għana kbir tiegħu,
qiegħed f’ġidu l-qawwa tiegħu!” 

Imma jien, bħal siġra taż-żebbuġ
li tħaddar fid-dar ta’ Alla, *
nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem ta’ dejjem.
Infaħħrek għal dejjem għax dan int għamiltu; *
inxandar ismek quddiem ħbiebek, għax hu tajjeb. 

Glorja.

Ant. 3: Nittama fit-tjieba ta’ Alla għal dejjem.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/