isalvahom għax fih jistkennu

 


L-uffiċċju tal-qari, illum it-Tlieta 17 ta’ Jannar 2023.

Salm 36 (37)

(III) Minn fomm il-ġust joħroġ kliem il-għerf, *
u lsienu jgħid is-sewwa.
Il-liġi ta’ Alla tiegħu għal qalbu, *
ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.
Il-ħażin jgħasses għall-ġust, *
u jfittex li jneħħilu ħajtu.
Imma l-Mulej ma jitilqux f’idejh, *
ma jħallihx jaqa’ taħt il-ħaqq tiegħu. 

Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, †
hu jerfgħek biex tikseb l-art; *
imbagħad tara l-ħżiena meqruda.
Jien rajt il-ħażin jitkabbar *
jinfirex qisu ċedru tal-Libanu.
Erġajt għaddejt, u ma rajtux; *
fittixtu, u ma sibtux. 

Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem sewwa; *
għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.
Imma l-midinbin flimkien jinqerdu; *
ulied il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra.
Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej; *
hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.
Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena, *
isalvahom għax fih jistkennu. 

Glorja.

Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/