Jaraw dan it-twajbin u jifirħu

 


L-uffiċċju tal-qari, illum is-Sibt 28 ta’ Jannar 2023.

Salm 106 (107)

(III) 

Hu jbiddel ix-xmajjar f’deżert, *
u n-nixxigħat f’art niexfa.
Art tajba jibdilha f’art mielħa, *
minħabba l-ħażen ta’ dawk  li jgħixu fiha. 
Hu jbiddel id-deżert f’għadajjar, *
u l-art niexfa f’nixxigħat tal-ilma. 

Hemmhekk lill-imġewħin jagħtihom fejn jgħammru; *
u huma jibnu l-belt fejn joqogħdu. 
Jiżirgħu r-raba’ u jħawlu d-dwieli, *
u jiġbru ħafna frott.
Hu jberikhom u joktru ħafna, *
ma jnaqqsilhomx l-imrieħel tagħhom. 

Jekk jiġu li jonqsu u jintelqu, *
magħkusa mill-hemm u mill-għali,
hu jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat, *
u jitlaqhom jiġġerrew f’deżert bla triqat. 
Imma joħroġ mill-hemm lill-imsejkna, *
u jkattrilhom bħal merħla ’l nieshom.
Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, *
u l-ħżiena kollha jagħlqu ħalqhom. 

Min hu bil-għaqal iżomm dan f’moħħu, *
u jifhem it-tjieba tal-Mulej. 

Glorja.

Ant. 3: Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u jifhmu t-tjieba tal-Mulej.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/