juri l-qawwa tiegħu

 


L-uffiċċju tal-qari, illum is-Sibt 7 ta’ Jannar 2022.

Salm 105 (106)

(I) It-tjieba ta’ Alla u l-imġiba ħażina tal-poplu
Dan kollu nkiteb bi twissija għalina, li qegħdin ngħixu qrib it-tmiem. (1 Kor 10:11) 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! 

Min jista’ jsemmi l-għemejjel kbar tal-Mulej, *
jew isemma’ t-tifħir tiegħu kollu?
Hieni min jimxi bid-dritt,  *
min jagħmel dejjem is-sewwa.
Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek; *
aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek,
biex nara l-ġid tal-magħżulin tiegħek, †
biex nifraħ għall-ferħ ta’ ġensek, *
u niftaħar mal-poplu ta’ wirtek. 

Aħna dnibna, bħal missirijietna, *
waqajna fil-ħtija, għamilna l-ħażen.
Missirijietna fl-Eġittu
ma għarfux l-għeġubijiet tiegħek, *
ma ftakrux fit-tjieba kbira tiegħek;
u ħaduha kontra Alla l-Għoli *
ħdejn il-Baħar tal-Qasab.
Iżda hu salvahom minħabba f’ismu, *
biex juri l-qawwa tiegħu. 

Ċanfar lill-Baħar tal-Qasab, u dan nixef; *
Mexxiehom, bħal f’deżert, f’qiegħ il-baħar.
Salvahom minn id dawk li jobogħduhom; *
fdiehom minn id l-għedewwa tagħhom.
L-ilma għatta lil dawk li għakksuhom; *
anqas wieħed ma baqa’ minnhom.
Imbagħad emmnu fi kliemu, *
u għana ta’ tifħir għannewlu. 

Iżda malajr insew għemilu; *
mank stennew li jseħħ il-ħsieb tiegħu.
B’xewqat imħeġġa mtlew fid-deżert, *
ġarrbu lil Alla fix-xagħri.Hu tahom kulma talbuh, *
u temagħhom bix-xaba’. 

Ġiethom l-għira għal Mosè fl-għerejjex, *
u għal Aron, il-qaddis tal-Mulej.
Infetħet l-art u belgħet ’il Datan, *
u għalqet taħtha ’l Abiram u ’l sħabu.
Ħaraq in-nar il-ġemgħa tan-nies tagħhom, *
inqerdu l-ħżiena fil-ħuġġieġa tan-nar. 

Glorja.

Ant. 1: Ftakar fina, Mulej; aħseb fina bis-salvazzjoni tiegħek.

Ant. 2: Qis li ma tinsiex il-patt tal-Mulej Alla tiegħek.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/