Kemm tiddi llum fid-dawl ta’ ġmielek

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, Solennità tal-Imqaddsa Verġni Marija Mtellgħa s-Sema, illum il-Ħadd 15 ta’ Awwissu.

V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.Glorja. Hallelujah.

Innu

Kemm tiddi llum fid-dawl ta’ ġmielek, Verġni
bix-xemx imlibbsa, tielgħa lejn is-sema,
bi tnaxil kewkba ta’ deheb fin fuq rasek,
u l-qamar taħtek! 

Għelibt il-mewt, l-infern u d-dnub, o safja,
u qgħadt ħdejn Kristu, l-avukat tagħna,
mogħnija b’qawwa w setgħa ta’ sultana
ta’ l-art u s-sema. 

Ħares, Marija, n-nagħaġ tal-merħla mqaddsa,
daħħal lill-mifrudin fil-għaqda tagħha,
eħles minn dell il-mewt u ġib fi ħdan
halill-ġnus imbiegħda. 

Jaqilgħu bik il-maħra l-ħatja kollha,
farraġ lill-imnikktin, lill-foqra u l-morda,u,
fit-taħbit tal-ħajja, kun it-tama
tas-salvazzjoni. 

Glorja w tifħir lit-Trinità ta’ dejjem,
li lilek, Verġni, żejjnet bil-kuruna,
u tatna fik sultana w omm ħanina
li tieħu ħsiebna. Amen.

Salmodija

Ant. 1: Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej.

Salm 62 (63):2-9

Ir-ruħ għatxana għall-Alla
Ifittex minn kmieni lil Alla min jiċħad egħmejjel il-lejl. 

Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bilgħatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek. 

Glorja.

Ant. 1: Hienja int, Marija, għax bik ġie fostna s-Salvatur tad-dinja; issa qiegħda fil-glorja, ferħana quddiem il-Mulej.

Ant. 2: Il-Mulej għolla lil Marija Verġni fuq il-qtajja’ ta’ l-anġli; jifirħu l-fidili kollha, u jbierku lil Alla.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/